Lokali

Jinganna lin-nies billi jitlob flus għad-Dar tal-Providenza

MaltaRightNow tinsab infurmata li raġel li jidher li għandu fuq it-tletin sena, qed idur djar fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, jitlob flus għad-Dar tal-Providenza, allegatament mingħajr awtorizzazzjoni.

Mill-informazzjoni li għandu dan is-sit, ir-raġel qed jgħid lir-residenti li rebħu xi flus talli taw donazzjoni lid-Dar tal-Providenza, filwaqt li jippreżentalhom envelop li suppost ikun fih ‘voucher’ (ritratt).

Ir-raġel imbgħad jistaqsi jekk ir-residenti iridux jagħtu xi donazzjoni oħra talli jkunu rebħu.

Ir-ritratt, li ttieħed minn fuq il-grupp fuq Facebook ‘The Salott’ juri dan l-imsemmi ‘voucher’ li qed jintuża minn dan ir-raġel biex jiffroda lin-nies.

Fuq Facebook, persuna kitbet li qraba tagħha kellhom żjara bħal din, iżda fortunatament ma tqarrqux u wara kkuntattjaw lid-Dar tal-Providenza li kkonfermat li r-raġel m’għandu l-ebda awtorizzazzjoni biex jiġbor flus għad-Dar tal-Providenza.