Internazzjonali

Jirtiraw l-eluf tat-truppi Russi ‘fuq direttiva ta’ Putin’

L-UKRAJNA: Rapporti li dehru fl-istampa Russa qalu li l-President tar-Russja, Vladimir Putin, ħareġ direttiva biex l-eluf tat-truppi li huma stazzjonati qrib il-fruntiera mal-Ukrajna jirtiraw lejn il-bażijiet tagħhom.

Kelliem għall-Putin, intant, qal li d-direttiva għandha tfisser l-irtirar ta’ xi 17,600 suldat li kienu għaddejjin bl-eżerċizzji tat-taħriġ fir-reġjun ta’ Rostov. Fl-istess ħin, is-sorsi f’Moska qalu li l-irtirar hu possibbli minħabba li s-suldati, issa, temmew it-taħriġ tagħhom.

Intant, kien hemm diġà d-drabi fejn ir-Russja ħabbret irtirar simili tas-suldati u meta l-Istati Uniti u n-NATO wieġbu li l-irtirar ma kien seħħ qatt fir-realtà.

L-aħħar ‘direttiva’ saret magħrufa qabel laqgħa li għandha ssir dalwaqt bejn Vladimir Putin u l-President tal-Ukrajna, Petro Poroshenko.

Ir-Russja ilha tiċħad l-akkużi li qed tibgħat is-suldati u l-armi bħala appoġġ għar-ribelli separatisti bażati fl-Ukrajna tal-Lvant. Dawn is-separatisti qed jiġġieldu biex jiffurmaw Stat indipendenti fiz-zoni speċifiċi tal-Ukrajna u li jsostni unjoni mar-Russja.

Intant, it-truppi Ukreni ilhom minn April jikkumbattu lis-separatisti fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk, b’dan il-konflitt jiswa l-ħajja ta’ aktar minn 3,500 persuna.

Il-Gvern fi Kiev u s-separatisti kienu ffirmaw ftehim għal waqfien mill-ġlied fil-bidu ta’ Settembru, iżda l-ostilitajiet komplew xorta – b’mod partikolari fil-madwar ta’ Donetsk.