Lokali

FILMAT: Joseph Muscat jammetti li l-bini ta’ powerstation ġdida se jittardja b’xhur

[headlines headline=”h3″ ]Waqt attivita’ politika f’Marsaxlokk, Muscat jgħid li l-power station mhux se tkun lesta fiż-żmien imwiegħed u li se l-bini se jittardja b’xhur[/headlines]

Waħda mill-ikbar wegħdiet li l-Partit Laburista għamel lill-poplu Malti qabel l-aħħar elezzjoni kienet dik li sa Marzu tal-2015 ikun bena power station ġdida.

Madankollu issa l-istess Joseph Muscat, illum Prim Ministru, ammetta dak li sostna l-Ministru tal-Energija, Konrad Mizzi, li din il-wegħda mhux se tinżamm u l-proġett se jittardja b’xhur.

Muscat qal dan waqt li kien qed jindirizza attivita’ politika tal-Partit Laburista f’Marsaxlokk il-Ħadd filgħodu.

U minkejja din l-ammissjoni li se jkun falla milli jwettaq waħda mill-akbar wegħdiet tiegħu, Muscat ftaħar li l-Gvern li jmexxi qed iwettaq il-wegħdiet li bihom ġie quddiem il-poplu.

Waqt l-istess attivita’ politika Muscat tkellem ukoll dwar il-ħolqien tax-xogħol u ftaħar li l-Gvern qed jirnexxielu joħloq ix-xogħol, imma li skont hu qed jittieħed mill-barranin.

Qal ukoll li l-investituri qed jaraw lil malta bħala s-sorpriża tal-Ewropa, meta fl-istess ġimgħa studju tal-kumpanija EY wera li fl-aħħar tliet snin pajjizna ra tnaqqis fil-perċentwal ta’ kemm Malta hi attraenti għall-investiment barrani dirett bi tnaqqis ta’ 12%, minn 91% għal 79%.

Ritratt: Arkivji