Sport

Marquez Champion għat-tieni darba konsekuttiva

MOTOGP: L-Ispanjol Marc Marquez kien konfermat Champion tad-Dinja tal-MotoGP wara li temm fit-tieni post waqt il-MotoGP tal-Ġappun il-Ħadd.

B’hekk is-sewwieq ta’ 21 sena sar l-iżgħar sewwieq li qatt rebaħ titli mondjali konsekuttivi fl-ogħla klassi wara li kien dikjarat Champion fiċ-ċirkwit ta’ Motegi.

Marquez, tar-Repsol Honda rebaħ it-titlu tad-dinja wara li bena vantaġġ li ma jsitax jintlaħaq meta għandu 312-il punt overall fil-klassifika ġenerali u fadal biss tliet tiġrijiet.

“Ilni biss sentejn fil-MotoGP u għandi żewġ titli. Din hi xi ħaġa nkredibbli. It-tiġrija tal-lum ftit fiha importanza,” qal Marquez li rebaħ ukoll it-titlu mondjali fil-Moto2 u Moto3.

It-tiġrija fil-Ġappun intrebħet mill-Ispanjol Jorge Lorenzo li temm 1.638 sekondi quddiem Marquez waqt li s-sewwieq l-ieħor tal-Yamaha it-Taljan Valentino Rossi temm it-tielet.

B’dan il-podju, Rossi tela’ fit-tieni post tal-klassifika ġenerali b’230 punt quddiem sieħeb Marquez fit-tim, Dani Pedrosa b’230 waqt li Lorenzo jinsab ir-raba’ b’227.

Marquez rebaħ it-titlu bi 11-il rebħa fi 15-il tiġrija, inkluż rekord ta’ 10 rebħiet konsekuttivi.

Hu wkoll l-iżgħar sewwieq li qatt rebaħ żewġ kampjonati konsekuttivi u ssupera r-rekord preċedenti tal-Britanniku Mike Hailwood fl-1963.
Huwa beda t-tiġrija mir-raba’ post imma suspera lil Pol Espargaro, Dani Pedrosa u Andrea Iannone fl-ewwel dawriet.

Wara laħaq u qabeż lil Andrea Dovizioso li kien beda mill-pole u lejn nofs it-tiġrija kellu sfida ma’ Rossi biex mar fit-tieni post fid-disa’ dawra.

Hawnhekk Marquez ipprova jmur għal Lorenzo imma s-sewwieq tal-Yamaha żamm tajjeb u kellu jikkuntenta bt-tieni post waqt li Pedrosa daħal fir-raba’ post 0.5 sek wara Rossi.

It-tiġrija li jmiss se ssir f’Phillip Islands fl-Awstralja fid-19 ta’ Ottubru.