Sport

Mourinho u Wenger…? Temmnux dak kollu li taraw

L-aħħar battibekk sħun bejn il-manager ta’ Chelsea, Jose Mourinho, u l-manager ta’ Arsenal, Arsene Wenger, ingħatat prominenza kbira mill-istampa Britannika li m’humiex jitilfu okkażjoni biex irewwħu rivalita kbira li tmur lura għal snin.

Iżda waqt li Wenger tilef is-sabar bil-kbir waqt l-aħħar derby ta’ Londra li ntemmet f’rebħa 2-0 għal Chelsea, id-difensur ta’ Arsenal, Laurent Koscielny, jinsisti li ż-żewġ managers ‘għandhom storja twila ta’ ħbiberija’ — kuntrarju għall-fehma ta’ kulħadd li Wenger u Mourinho huma destinati li jibqgħu avversarji ‘u għedewwa’ sal-mewt.

L-aħħar derby bejn Chelsea u Arsenal fi Stamford Bridge kienet mimlija b’tensjoni u kmieni fil-logħba Arsene Wenger irreaġġixxa b’rabja għad-daħla kerha tad-difensur tal-Blues, Gary Cahill, fuq Alexis Sanchez.

Tant tilifha bl-ikrah Wenger li daħal fit-technical area ta’ Chelsea u beda jargumenta fit-tul ma’ Jose Mourinho waqt li f’ħin minnhom deher jimbotta lill-manager Portugiż minn sidru.

Iżda Koscielny jinsisti li jifhem ir-reazzjoni ta’ Wenger peress li tliet ijiem biss qabel din il-logħba, Alexis Sanchez kien spiċċa vittma ta’ tackle brutali waqt il-konfront ma’ Galatasaray fiċ-Champions League li spiċċa f’rebħa 4-1 għal Arsenal.

Id-difensur Franċiż kompla li Wenger, dakinar, kien urtat ħafna li l-player partikolari ta’ Galatasaray kellu jintwera biss karta safra wara daħla daqshekk kerha li setgħet ħalliet konsegwenzi xejn sbieħ għall-attakkant Ċilen. U skont Koscielny, wieħed jifhem għalfejn Wenger tilef il-kontroll tal-emozzjonijiet tiegħu meta, jiem wara, ra ‘azzjoni kważi simili’ bejn l-istess Sanchez u Cahill.

F’din il-logħba kien proprju Laurent Koscielny li witta t-triq għar-rebħa ta’ Chelsea meta waqqa’ lil Eden Hazard fil-kaxxa għal penalty ċar – u bl-attakkant internazzjonali Belġjan ma jiżbaljax mill-ħdax il-metru.

Dan kien is-seba’ penalty li wettaq Koscielny fil-Premier League mill-bidu tal-istaġun 2010-11, iżda dan ma jtelliflux is-sens tal-umoriżmu. Fil-fatt, il-Franċiż qed jiċċajta li jista’ għandu r-rekord tad-dinja għall-ammont ta’ penalties li saru tort tiegħu, ‘u fejn forsi jistgħu jieħdu interess il-persuni inkarigati mill-istatistika għall-Guinness Book of Records’.