Sport

Partitarji Ukreni jħallsu qares għall-kant kontra Putin

Kanzunetta popolari ma’ eluf tal-Ukreni kienet il-kaġun li tmien partitarji spiċċaw il-ħabs wara li nqabdu jkantawha waqt il-logħba ta’ kwalifikazzjoni f’Minsk bejn il-Belarus u l-Ukrajna (0-2).

Il-kanzunetta partikolari tirreferi b’mod dispreġjattiv għall-President tar-Russja, Vladimir Putin u wara l-logħba, qorti fil-Belarus ikkundannat sebgħa fost it-tmien imputati għal ħamest ijiem ħabs għal diskors oxxen. Ir-raġel l-ieħor weħel għaxart ijiem priġunerija talli nqabad fil-pussess ta’ simboli faxxisti.

Filwaqt li l-imputati kollha pparteċipaw f’kant ta’ kanzunetti anti-Putin f’Minsk, ir-rapporti qalu li l-qorti mmultat anki numru ta’ partitarji tal-Belarus għall-parti tagħhom.

Fl-eqqel tal-logħba bejn il-Belarus u l-Ukrajna – li kienet deċiża b’żewg goals fl-aħħar għaxar minuti, il-partitarji taż-żewġ naħat ingħaqdu f’kant entużjażmat tal-kanzunetta li sservi bħala espressjoni ta’ oppożiżżjoni popolari għal Putin fl-Ukrajna.

Il-partitarji tal-Belarus anki għajtu s-slogan popolari tal-protesti famużi ta’ Maidan, fi Kiev, bħala solidarjetà mal-Ukreni, b’tal-aħħar jirreċiprokaw bil-kant ta’ Zhyve Belarus (Viva l-Belarus).

Intant, il-websajt tal-Oppożizzjoni Charter ’97 qal li, wara l-logħba, madwar 100 Ukreni u 30 Belarussi ttieħdu fl-istazzjon lokali tal-KGB fil-Belarus u wara ngħataw is-sentenzi lit-tmien imputati speċifiċi.

Din mhix l-ewwel darba li l-kant tal-innijiet kontra Putin spiċċaw fl-aħbarijiet. Fil-fatt, f’Ġunju, uffiċjali fir-Russja insistew għar-riżenja tal-eks Ministru Ukren għall-Affarijiet Barranin, Andriy Deshchytsya wara li ngħaqad ma’ dimostranti fi Kiev li kienu qed jinsulentaw lil Putin.