HONG KONG: Il-Kap Eżekuttiv ta’ Hong Kong, Leung Chun-ying, qal li m’għandux iwarrab, anki waqt li d-dimostranti f’din l-ekskolonja Britannika komplew jinsistu għal riformi demokratiċi.
Leung, li tkellem waqt xandira fuq l-istazzjon tat-televiżjoni TVB, sostna wkoll li l-moviment ta’ protesta (f’Hong Kong) tilef ir-riedni u qed isir inkontrollabbli.
Sadanittant, Leung qal li l-Gvern ta’ Hong Kong se jkompli jipprova jikkonvinċi lid-dimostranti biex jirtiraw wara li ilhom il-ġimgħat isostnu stat ta’ assedju fiz-zona. Hu lanqas ma jeskludi ‘l-minimu tal-forza’ biex jirristawra l-ordni f’dawn l-inħawi.
Min-naħa tagħhom, id-dimostranti li jridu d-demokrazija baqgħu jżommu l-pożizzjonijiet tagħhom, b’mijiet qegħdin jikkampjaw barra fit-toroq.
Dawn id-dimostranti qed jinsistu biex Leung jirriżenja minn Kap Eżekuttiv u biex il-Gvern taċ-Ċina jirtira d-deċiżjoni li ħa, ġimgħat ilu, biex jgħaddi lill-kandidati li se jikkuntestaw l-elezzjonijiet tal-2017, f’Hong Kong, minn proċess ta’ screening.
It-territorju ta’ Hong Kong igawdi status semi-awtonomu u fi tmiem il-ġimgħa, żewġ gruppi partikolari ppubblikaw ittra miftuħa lill-President Ċiniż, Xi Jinping, fejn talbuh biex jippermetti li l-elettorat ta’ Hong Kong jagħżel hu l-Eżekuttiv tiegħu. L-appell deher fil-gazzetta South China Morning Post, bil-gruppi inkwistjoni anki jakkużaw lil Leung Chun-ying – alleat ta’ Beijing – talli hu injora kemm il-darba r-rieda tal-poplu.
//= $special ?>