Editorjal

Editorjal: Wegħda u gideb ċari ta’ Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wiegħed li jirriżenja jekk ma jkunx bena power station ġdida taħdem bil-gass sa sentejn wara li jkun tela’ fil-gvern, jiġifieri sa Marzu li ġej. Dan hu x’jafu ħafna li vvutaw Labour fl-elezzjoni ġenerali.

Muscat “konvintissimu” li l-power station il-ġdida ssir sa Marzu li ġej
Din hi l-wegħda li kompla jirrepeti Joseph Muscat sa ftit xhur ilu. F’għeluq l-ewwel sena tiegħu bħala Prim Ministru, f’Dissett fuq ix-xandir tal-Gvern stess, mistoqsi minn Reno Bugeja jekk kienx għadu konvint li l-power station ġdida f’Delimara issir sa Marzu li ġej, il-Prim Ministru Muscat wieġeb ċar: “Iva, konvintissimu”.

Wegħda ċara fis-6 ta’ Marzu ta’ din is-sena stess li jirriżenja
Reno Bugeja kompla jistaqsih: “U jekk (il-proġett) ma jsirx hekk, għadek marbut illi tirriżenja?” Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb ċar u tond: “Jien inżomm il-kelma tiegħi.” Il-wegħda li jirriżenja hi ċara anke sa sena wara l-elezzjoni.

Gideb ċar u qawwi
Hemm imbagħad il-gideb kontinwu ta’ Joseph Muscat fuq il-power station. Ġurnali u kummentaturi ilhom li bdew jindunaw li hemm xi ħaġa fundamentalment sejra ħażin fil-proġett. Imma kull meta mistoqsi, Joseph Muscat ripetutament qal li l-power station qiegħda on track għal Marzu li ġej, se titlesta, tinkwetaw xejn. Gideb qawwi.

Il-proġett lanqas biss beda
Hu ovvju li l-proġett qiegħed fi kriżi. Mhux talli qiegħed tard ħafna, talli għadu lanqas biss beda. Il-kuntratt għal dal-proġett suppost hu ffirmat – għalkemm il-Gvern ħallieh moħbi – imma diversi gazzetti lbieraħ irrappurtaw li t-taħditiet reġgħu nfetħu mal-konsorzju Electrogas li suppost se jibni l-power station il-ġdida u issa maċ-Ċina.

Jipprova jitmejjel bil-media
Meta hu ċar li l-proġett qiegħed fi kriżi, u meta fl-aħħar ġranet il-ġurnal Malta Independent għamel sensiela ta’ mistoqsijiet bil-miktub li Joseph Muscat ma ndenjax ruħu jwieġeb, il-Gvern bagħat xi makkinarju biex taparsi hemm xi xogħol għaddej fil-post fejn suppost se ssir il-power station. Jipprova anke jitmejjel bil-ġurnalisti.

Roħs mertu kollu u biss tal-Gvern Nazzjonalista
Ir-roħs li qed jingħata fid-dawl hu kollu, 100 fil-mija, mertu tal-Gvern Nazzjonalista. Mertu tal-impjant effiċjenti tal-BWSC li sar bi kritika kbira u personali ta’ Joseph Muscat. U r-roħs li għad jingħata hu mertu tal-interconnector, il-cable li Gvern Nazzjonalista beda ma’ Sqallija biex nixtru dawl bi rħis mill-grid Ewropea.

Joseph Muscat wiegħed falz u gideb
Joseph Muscat m’għamel xejn biex iraħħas id-dawl. Anzi, biegħ l-impjant effiċjenti tal-BWSC liċ-Ċina. Li għamel hu li gideb ripetutament li kollox kien miexi sew u wiegħed fil-falz li jirriżenja jekk ma jibnix il-power station il-ġdida saż-żmien li qal.