Raġel ta’ 34 sena, li qed jiskonta piena ta’ għomru l-ħabs b’rabta mal-qtil ta’ Pulizija, ingħata sentenza ta’ 10 xhur oħra priġunerija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras wara li nstab ħati li kellu l-eroina fiċ-ċella. Fl-2004, Andy Calleja, ta’ 34 sena minn Ħaż-Żabbar, ingħata sentenza ta’ għomru l-ħabs wara li ammetta li fit-12 ta’ Novembru 2001 qatel lill-Kuntistabbli Roger Debattista waqt hold-up li hu u tlieta oħra kien qed jagħmlu fuq il-fergħa tal-Bank of Valletta f’Ħal Qormi.
Fil-każ dwar id-droga, Calleja kien mixli li fl-24 ta’ Jannar 2007 kellu fil-pussess tiegħu l-eroina, kif ukoll li kiser diversi sentenzi tal-Qrati. Waqt spezzjoni fiċ-ċella f’Diviżjoni 6, fejn fiha kien hemm l-akkużat u ħabsi ieħor, Calleja ntlemaħ idaħħal idu x-xellugija fil-but. Kif kien se joħroġha, wieħed mill-Gwardjani ħataflu idu u tefgħu fuq is-sodda. Il-Gwardjan innota xi ħaġa taqa’ minn id Calleja u x’ħin ġabarha rriżulta li kienet borża tal-plastik b’materjal ta’ lewn griż.
Fiċ-ċella nstabu wkoll biċċiet tal-karti miftuħin, li kellhom il-forom u l-liwja tal-qratas, biċċiet tal-foil maħruqa f’kaxxa tal-ħadid li tintuża’ għas-sigarri u biċċa pajp tal-kartun użat. Mill-analiżi tal-Espert Godwin Sammut, irriżulta li d-droga kienet eroina b’piż ta’ 3.07g u purità ta’ 14%. Calleja kien ċaħad li kellu d-droga fuqu u li remiha mal-art, filwaqt li sostna li d-droga kienet tal-ħabsi li kien fiċ-ċella miegħu, jiġifieri Ronald Rotin.
Il-Qorti m’emmnitx il-verżjoni tiegħu u rrimarkat li għal diversi drabi bidel il-verżjoni ta’ x’ġara. Irrimarkat li ssib il-verżjoni tal-Gwardjani tal-Ħabs iżjed kredibbli u saħqet li m’għandiex għalfejn tiddubita minn dak li qalu li raw. Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Maġistrat Galea Sciberras iddeskriviet il-kondotta ta’ Calleja bħala waħda “ikkulurita” u li tinkludi diversi kundanni, fosthom serq aggravat bi qtil volontarju, serq aggravat, ħsara volontarja, korruzzjoni ta’ minorenni u pussess ta’ droga.
Il-Qorti qieset ukoll l-ammont tad-droga li nstab u l-fatt li din instabet fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kif ukoll peress li l-Liġi tgħid li jekk reat isir minn priġunier, il-piena tiżdied bi grad jew tnejn. Għaldaqstant, ikkundannatu 10 xhur oħra ta’ priġunerija.
//= $special ?>

