Lokali

Il-Gvern m’għandux iħalli aktar spekulazzjonijiet iċajpru l-proġett tal-Power Station – il-UĦM

Il-Union Ħaddiema Magħqudin qed titlob lill-Gvern biex ma jħallix aktar spekulazzjonijiet iċajpru l-proġett tal-Power Station. Fi stqarrija, il-UĦM talbet lill-Gvern biex jieħu ħsieb ifiehem lill-pubbliku dwar is-sostennibbiltà tat-traħħis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-UĦM qalet li tifhem li r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma se jkun sostnut minn sistema ġdida ta’ Power Station, li hi iżjed cost effective, u li allura dan kien se jirrifletti fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-UĦM awgurat li s-sostenibbiltà ta’ roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma teżisti.

Il-UĦM appellat lill-Gvern biex ir-roħs fil-kontijiet għall-konsumatur u għall-industrija ma jispiċċax jinġarr mill-ħaddiema u l-familji tagħhom b’xi forma moħbija ta’ taxxa.