Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo irrifjuta fil-Parlament jagħti dettalji dwar kuntratt ta’ xogħol lil kumpanija jew persuni responsabbli mill-manutenzjoni tal-apparat elettroniku tal-vapuri tal-Gozo Channel.
Fil-ħin tal-mistoqsijiet Parlamentari, l-Oppożizzjoni nsistiet li l-Ministru Refalo għandu jkun trasparenti u jagħti l-informazzjoni mitluba lilu fil-Parlament.
Il-mistoqsijia li kien qed iwieġeb għaliha l-Ministru Refalo saret mid-Deputat Nazzjonalista Robert Cutajar, li staqsa wkoll lill-Ministru jgħid kif ġew mogħtija x-xogħlijiet mill-Gozo Channel, jekk hux permezz ta’ sejħa għall-offerti, kwotazzjonijiet, u, jew b’direct order.
It-tweġiba tal-Ministru Refalo kienet xotta u ġenerika, li l-Gozo Channel tqabbad diversi kumpaniji u individwi biex jagħmlu l-manutenzjoni tal-apparat elettroniku tal-vapuri, u żied jgħid li l-informazzjoni hi ta’ natura kummerċjali.
Għal din it-tweġiba, id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech staqsa lill-Ministu Refalo jwieġeb il-mistoqsija, u sostna li l-Gvern hu aktar f’obbligu li jagħti informazzjoni f’każ li l-kuntratt jngħata b’direct order. Irrimarka li l-Gvern għandu jimxi bi trasparenza sħiħa fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż, il-Parlament.
Francis Zammit Dimech insita mal-Ministru Refalo li d-domanda saret bil-miktub u hu fl-obbligu tal-Ministru li jagħti tweġiba kif mitlub, bil-miktub.
Il-Ministru Refalo wieġeb li hu wieġeb skont l-Istanding Orders tal-Kamra.
Mistoqsi mill-Oppożizzjoni jikkwota l-istanding Orders. il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, talab lill-Ispeaker jekk il-Ministru hux awtorizzat biex jirrifjuta li jagħti l-informazzjoni mitluba u biex jikkwota l-Istanding Orders li qed jirreferi għalihom il-Ministru Refalo.
Il-Ministru Refalo ma weġibx għal dawn it-talbiet tal-Oppożizzjoni minħabba li kien għadda l-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari, bil-Ministru Refalo jibqa’ ma tax l-informazzjoni mitluba fuq kuntratti ta’ xogħlijiet mill-Gozo Channel.
//= $special ?>

