Illejla l-Parlament jerġa’ jibda jiltaqa’ wara l-waqfa għas-Sajf, li kienet twila xi ftit aktar mis-soltu. L-iskop li għalih il-Gvern dam ħafna ma laqqa’ l-Parlament kien proprju biex jingħata żmien biżżejjed ħalli jsir it-trasferiment tal-Parlament mill-bini tal-Palazz tal-President għall-bini l-ġdid fid-Daħla tal-Belt.
Madankollu, minkejja li l-Parlament baqa’ jingħata indikazzjoni mill-Ministru responsabbli mill-proġett li kollox kien miexi kif ippjanat u li l-Gvern kien se jilħaq il-miri tiegħu li jittrasferixxi l-Parlament lejn il-bini l-ġdid, kien biss 10 t’ijiem qabel ma kellu jkun inawgurat li l-Ministru Mizzi bagħat ittra lill-iSpeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti u nfurmah li l-Parlament illum se jkollu jiltaqa’ fil-bini eżistenti tal-Parlament u li l-binja l-ġdida fid-Daħla tal-Belt mhix se tkun lesta.
Id-dewmien min-naħa tal-Gvern biex jibda x-xogħol tal-Parlament wara l-waqfa għas-Sajf ifakkar lil ħafna fil-kritika li kienet għamlet l-Oppożizzjoni Laburista meta fil-leġiżlatura li għaddiet, f’okkażjoni minnhom il-Parlament kien tlaqqa’ fil-bidu ta’ Ottubru għalkemm ma kienx dam sa daqskemm żamm wieqaf dan il-Gvern ix-xogħol tal-Parlament. Is-sena li għaddiet ukoll, il-Gvern waqaf aktar kmieni mis-soltu, filwaqt li aġġorna wkoll il-ħidma tal-Parlament għas-Sajf għal perjodu itwal mis-soltu.
Din is-sena, din il-waqfa twila wasslet biex jintilef ħafna xogħol tal-Parlament. Dan għaliex li kieku l-Ministru Mizzi informa u ggwida lill-Parlament, il-ħidma Parlamentari setgħet tibda ħafna qabel il-ġurnata tal-lum. Fil-Parlament illejla, il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra mistenni jisma’ l-ispjegazzjoni tal-Uffiċjali tal-Ministeru mmexxi minn Joe Mizzi, kif ukoll tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir dwar fejn wasal il-proġett tal-binja l-ġdida tal-Parlament.
Illejla wkoll mistennija li tingħata indikazzjoni dwar meta mistenni jitlesta x-xogħol biex ikun jista’ jsir it-trasferiment tal-Parlament lejn id-Daħla tal-Belt, ippjanat minn Gvern Nazzjonalista bħala parti mir-riġenerazzjoni tad-Daħla tal-Belt. Barra minhekk, il-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa Tonio Borg mistenni jindirizza l-Kumitat Parlamentari dwar is-Saħħa.
//= $special ?>

