Lokali

Il-Partit Nazzjonalista favur it-tielet pilastru tal-pensjoni, iżda l-Gvern mhux qed jagħmel biżżejjed

Ritratt mill-arkivji

Il-Partit Nazzjonalista jaqbel mal-Gvern dwar l-introduzzjoni tat-tielet pilastru tal-pensjoni għalkemm iħoss li dak li qed jagħmel il-Gvern m’huwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ pensjoni adegwata fil-futur. Hu importanti li l-istat jassigura li kull ċittadin li jirtira jkollu pensjoni adegwata sabiex din tagħti dinjita’ lill-anzjani.

Il-Kelliem għall-Familja u s-Solidarjeta’ Soċjali Clyde Puli qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet indirizzata wkoll mill-Kelliem għall-Finanzi Tonio Fenech. Dan is-suġġett beda jiġi diskuss illejla fil-Parlament. Clyde Puli esprima t-tħassib tiegħu għal kif il-Gvern qed jinjora kompletament ir-rakommandazzjonijiet li saru mill-Gvern fl-2010 u li kienu ġa ġew diskussi b’mod estensiv u bi qbil mal-imsieħba soċjali. Sfortunatament il-Gvern qabad triq kompletament differenti minn dak li ġie propost u qed jintroduċi t-tielet pilastru waħdu mingħajr ebda konsultazzjoni u mingħajr ma ppreżenta strateġija ħolistika.

Tonio Fenech tenna li dak li qed jipproponi l-Gvern f’dan ir-rigward qed jiġi ppreżentant bħala dak li se jindirizza l-varjazzjoni fl-adegwatezza tal-pensjonijiet u qed jiġi impoġġi qabel d-diskussjoni u l-implimentazzjoni tat-tieni pilastru. Fenech esprima t-tħassib tiegħu għaliex jekk dak li qed jipproponi l-Gvern hu intiż li jissostitwixxi t-tieni pilastru, l-inċentivi li qed jingħataw biex iħeġġu lin-nies sabiex jidħlu b’mod volontarju f’dan il-pilastru huma ftit wisq, u l-Partit Nazzjonalista jibża’ li dak li ċ-ċittadin anzjan se jkun qed jieħu lura ikun ftit wisq.

Clyde Puli fakkar kif fil-programm elettorali tiegħu, il-Partit Laburista mhux biss wiegħed it-twaqqif tat-tielet pilastru tal-pensjoni iżda li jibda proċess fuq medda ta’ snin sabiex b’mod gradwali naslu sabiex il-pensjoni minima nazzjonali tkun ekwivalenti għal 60% tad-dħul nazzjonali medju.

Fi kliem Tonio Fenech stess, l-Oppożizzjoni ma tridx tagħmel is-suġġett ballun politiku u appella lill-Gvern sabiex tiddiskuti mal-Oppożizzjoni fuq kif nistgħu nagħmlu l-pensjonijiet f’pajjiżna adegwati u sostenibbli. Għaldaqstant il-Gvern għandu jagħmel proċess ta’ konsultazzjoni fuq ir-riforma fil-pensjonijiet b’mod sħiħ, inkluż mal-Oppożizzjoni. Il-Partit Nazzjonalista hu lest li jagħti l-kontribut tiegħu biex fuq din il-materja ikun hemm kunsens nazzjonali.