Lokali

Il-PM issa jgħid li għandu “idea” dwar meta se titlesta l-Power Station il-ġdida

Quddiem is-sitwazzjoni li fallietlu l-aktar wegħda elettorali importanti, jiġifieri dik li jlesti Power Station ġdida fi żmien sentejn, il-Prim Ministru Joseph Muscat issa qed jindika roadmap ġdida filwaqt li jsostni biss li għandu “idea” meta se titlesta l-Power Station il-ġdida. Muscat kien ikkonfrontat mill-ġurnalisti dwar il-kwistjoni tal-Power Station, tal-kmamar illegali fl-Armier u tal-pjan ta’ ristrutturar fl-Air Malta.

Il-Prim Ministru qal li l-aktar deadline importanti kien dak li l-kontijiet għall-familji jitraħħsu f’Marzu li għadda u għan-negozji f’Marzu li ġej. Id-dealines li tajna kienu dwar it-traħħis tal-kontijiet, sostna Muscat, li kompla li l-fatt li l-Power Station il-ġdida mhix se titlesta mhux se jeffettwa l-pjan tal-Gvern li jraħħas il-kontijiet. Dan minkejja li t-traħħis kien jiddependi wkoll mill-bini tal-Power Station. Mistoqsi meta se titlesta l-Power Station il-ġdida, il-Prim Ministru qal li għandu idea meta se titlesta, iżda d-dettalji se jitħabbru fil-mument opportun.

“Ir-roadmap twettqet”, irrimarka Muscat, li kompla li l-Gvern mhux se jdaħħal ħlasijiet ġodda fuq il-poplu minħabba li l-Power Station mhix se titlesta fil-ħin. Joseph Muscat qal li jrid ikun ikkunsidrat li l-Gvern “salva” lill-Enemalta u għalhekk il-bini tal-Power Station hu biss parti mill-pjan.

Dwar il-kmamar illegali tal-Armier u l-fatt li l-Gvern se jtihom meter tad-dawl, il-Prim Ministru qal li dan il-fatt għandu jkun jikkundisra separatament il-kwistjoni tas-serq tal-elettriku minn dik tat-titlu tal-art. Mistoqsi jekk hux se jkun hemm penali għas-serq tad-dawl, Muscat qal li se jkun hemm forma ta’ ftehim mal-Enemalta. Ikkumneta wkoll dwar l-Air Malta u l-pjan ta’ ristrutturar maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. Sostna li dan il-pjan se jiġi implimentat għax il-Gvern Malti hu fid-dmir li jwettqu. L-akbar problema li effettwat l-Air Malta kienet il-gwerra fil-Libja, qal Joseph Muscat.

Dan wassal, sostna l-Prim Ministru, biex l-Air Malta ma eseġitx il-miżuri kollha fil-pjan ta’ ristrutturar. Mistoqsi jekk l-Air Malta hu se tingħaqad ma’ sieħeb strateġiku, il-Prim Ministru qal li aktar milli jinstab sieħeb strateġiku, il-prijorità għandha tkun il-prinċipju li l-Air Malta tibqa’ taħt il-kontroll tal-Gvern Malti.

Sadanittant, fuq Twitter, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kiteb li l-Prim Ministru Joseph Muscat issa qed idawwar il-ħtija dwar il-wegħda tal-Power Station fuq il-Ministru Konrad Mizzi (ritratt isfel). Filwaqt li qal li s-sitwazzjoni issa qed issir “surreali”, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista staqsa lil Muscat b’min qed jipprova jgħaddi ż-żmien.

SB Tweet JM shifting blame Power Station 131014