Futbol Lokali Sport

It-tim Malti żgur li ma joħroġx fil-grawnd għal telfa – Pietro Ghedin

“Ma nistgħux ninsew l-affarijiet tajbin li għamilna kontra n-Norveġja u żgur li mhux se naqtgħu qalbna. Qed naħdmu taħt pressjoni iżda determinati li nagħmlu dak kollu li nistgħu kontra l-Italja”. Kien dan il-messaġġ tal-Kowċ Nazzjonali ta’ Malta Pietro Ghedin, lejliet il-partita tal-lejl kontra l-Italja, li tibda fid-8.45pm fl-iStadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.

Ghedin qal li wieħed irid jirrikonoxxi wkoll il-qawwa tal-avversarji u ma’ min se nilagħbu. Semma’ kif l-avversarji għamlu bidla kbira fl-istil ta’ logħob tagħhom taħt tmexxija ġdida u jidhru aktar aggressivi għax Conte daħħal il-marka tiegħu fit-tim u fil-mentalità tal-plejers. Sostna li t-tim Malti se jipprova jagħmel dak kollu possibbli biex jirbaħ u żgur mhux se joħroġ fil-grawnd biex jitlef.

Wara mistoqsijiet mill-ġurnalisti dwar il-logħba kontra n-Norveġja, Ghedin qal li hu diżappuntat bir-riżultat finali ta’ 3-0. Min-naħa tiegħu, il-Captain Michael Mifsud li qal li l-partita kontra n-Norveġja issa għaddiet u l-plejers qed iħarsu ‘l quddiem għal dik kontra l-Italja. Mifsud qal li għandna skwadra tajba u magħquda. Fakkar li fl-aħħar logħba, kontra l-Italja, pajjiżna laqat il-lasta u kellu diversi azzjonijiet fuq l-attakk. Wiegħed li anke din id-darba l-plejers se jagħtu dak kollu li jistgħu, bit-tama li forsi jakkwistaw xi ħaġa minn din il-logħba.

Min-naħa tiegħu, id-difensur Andrei Agius, li għal 11-il sena lagħab fl-Italja, qal li għalih hu unur li jkun jista’ jilgħab għal pajjiżu. Hu wissa’ li l-Maltin iridu joqgħodu attenti għall-attakki veloċi tat-Taljani.