Internazzjonali

Jibda s-smiegħ dwar is-sentenza ta’ Pistorius

Fl-Afrika t’Isfel beda s-smiegħ dwar is-sentenza li għandha tingħata lill-atleta, Oscar Pistorius, li f’Settembru instab ħati dwar il-qtil tat-tfajla tiegħu Reeva Steenkamp.

Pistorius, kien ingħata l-libertà proviżorja wara li l-Istat naqas milli jressaq provi konkreti li l-atleta, magħruf bħala Blade Runner, kellu tassew l-intenzjoni li joqtol lil Steenkamp. Filwaqt li Pistorius jista’ jeħel sa 15-il sena ħabs, teżisti wkoll il-possibbiltà li minflok, jingħata sentenza sospiża jew multa.

Il-Prosekuzzjoni hi diżappuntata li Pistorius ma weħilx dwar qtil volontarju u talli l-verdett warrab l-element tal-akkuża li rrefera għal omiċidju premeditat.

Madankollu, hu anki kien instab ħati li uża arma tan-nar b’mod traskurat li irriżultat fi sparatura f’ristorant. Iżda, ma nstabx ħati b’konnessjoni ma’ akkuża oħra li kien spara arma fil-pubbliku u mis-sun roof ta’ karozza. L-atleta lanqas ma nstab ħati li kien fil-pussess illegali ta’ munizzjon li kien iżomm fl-istess dar (tiegħu) fejn inqatlet Steenkamp.

Fis-smiegħ talbieraħ, il-prosekutur, Gerrie Nel, iddeskriva bħala mhux xieraq is-suġġeriment ta’ uffiċjal tal-probation li deher għad-Difiża meta sostna li Pistorius għandu jiskonta l-priġunerija fir-residenza tiegħu minbarra li jagħti servizz fil-komunità.

L-Imħallef, Thokozile Masipa kienet qalet li filwaqt li Pistorius aġixxa b’mod ‘negliġenti’ meta spara għal Steenkamp minn bieb tat-toilet fir-residenza tiegħu, ġenwinament kien ħasibha aggressur li kien daħal fil-proprjetà tiegħu.

Il-psikoloġista ta’ Pistorius, fissritu bħala ‘bniedem li spiċċa mingħajr skop fil-ħajja’ wara l-qtil ta’ Steenkamp. Loere Hartzenberg żvelat li l-atleta kien emozzjonat ferm waqt is-sessjonijiet tat-terapija biex jikkontrolla s-sens qawwi ta’ dieqa li ħakmu wara t-traġedja u kemm il-darba spiċċa jolfoq bħal tarbija.

Madankollu, il-prosekutur, Nel, qal li ma setax jifhem kif il-psikoloġista evitat li twieġeb għall-mistoqsijiet dwar il-fatt li Pistorius illum, għandu relazzjoni ma’ mara oħra. Hartzenberg wieġbet li Pistorius ma tkellem qatt dwar it-tfajla ġdida tiegħu waqt is-sessjonijiet tat-terapija u li hi kienet semgħet b’din ir-relazzjoni mill-aħħar aġġornamenti tal-aħbarijiet.

Is-smiegħ kien aġġornat u mistenni li l-proċess fi Pretorja jdum għal diversi jiem.