Qorti

Aġġornata: Ikomplu jiddeliberaw għada filgħodu

Se jkomplu jiddeliberaw għada filgħodu, il-ġurati fil-ġuri ta’ George Xuereb. Dan wara li għall-ħabta tan-12.30pm il-ġurati daħlu jiddeliberaw wara li ġie fi tmiemu l-indirizz tal-Imħallef Michael Mallia. Ma’ tmiem l-indirizz, il-ġurati ntbagħtu jibdew jiddeliberaw fil-ġuri ta’ George Xuereb, ta’ 49 sena mill-Marsa u mixli li f’Marzu 1996 ipprova joqtol żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija wara hold-up li kien sar minn tlett irġiel fuq il-fergħa tal-Mid-Med Bank f’St Andrews.

Xuereb qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, bl-aktar gravi huma dawk tal-attentat ta’ qtil u attentat ta’ serq bi vjolenza mill-Bank. Akkużi oħrajn huma dik ta’ serq ta’ vann u pistola, li kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Anke jekk wieħed qatt ma jista’ jantiċipa dwar kemm il-ġurati se jdumu jiddeliberaw, hu mistenni li filgħaxija dawn joħorġu bil-verdett tagħhom u jekk ikun il-każ, l-Imħallef jagħti s-sentenza tiegħu ftit wara.