Lokali

Mozzjoni li tiddibatti l-aġir tal-Prim Ministru fil-kwistjoni ta-Power Station li mhux se tinbena fil-ħin

Aġġornata: Wara li l-Oppożizzjoni ressqet mozzjoni fil-Parlament biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi b’rabta mad-dewmien fil-bini tal-Power station, waqt il-laqgħa tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Kamra, ġie deċiż li d-dibattitu jsir nhar it-Tnejn li ġej.

Illum fil-Parlamennt, il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma fil-Parlament Mario de Marco flimkien mal-Kelliem għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma George Pullicino, f’isem l-Oppożizzjoni, ressqu mozzjoni biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi dwar il-wegħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li jibni l-powerstation sa Marzu li ġej, wegħda li fl-aħħar jiem, sfaxxat fix-xejn.

Id-deputati tal-Partit Nazzjonalista fakkru lil Prim Ministru li hu ibbaża ħafna mill-kampanja elettorali tiegħu fuq il-qasam tal-enerġija, tant li tah prijorita’ assoluta fid-diskors tiegħu fil-ftuħ tal-Parlament.

Fost oħrajn, l-Oppożizzjoni fakkret li l-Prim Ministru kien wiegħed li se jkun akkontibbli u trasparenti fit-tmexxija tiegħu. Iżda s’issa, qalet l-Oppożizzjoni, il-Gvern għadu ma ppubblikax il-kuntratt għal bini tal-Power Station u baqa’ ma sarx studju tajjeb dwar l-impatt ambjentali ta’ dan il-bini.

Muscat lanqas ma ħabbar l-impatt finanzjarju li dan id-dewmien se jkollu fuq l-Enemalta, jew minn fejn se jġib il-finanzi biex jagħmel tajjeb għal dan it-telf minħabba d-dewmien.

Fid-dawl ta’ dan kollu, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista proponiet biex il-kamra tiddibatti l-aġir tal-Prim Ministru u tal-Gvern f’din il-kwistjoni, l-impatt finanzjarju tad-dewmien fuq l-Enemalta u pajjiżna, kif ukoll il-mod kif il-Gvern se jagħmel tajjeb għal flus mitlufa.

Id-deputati Nazzjonalisti qed jitolbu wkoll li l-Gvern jispjega l-passi li se jieħu biex jassigura li ħadd ma jintlaqat negattivament minħabba dan id-dewmien.

“Finalment, irridu nkunu nafu d-dati li fih se jibda u jispiċċa dan il-progett, li skont il-Gvern huwa kruċjali għall-pajjiżna,” tenniet l-Oppożizzjoni f’din il-mozzjoni tagħha.