Qorti

Pulizija tal-ALE mhux ħati li mess il-partijiet intimi ta’ żewġ tfajliet barranin, iżda ħati li rreżista numru ta’ pulizija

Membru fil-Korp tal-Pulizija li kien stazzjonat mat-Taqsima tal-Amministrative Law Enforcement ma nstabx ħati li offenda l-pudur ta’ żewġ tfajliet barranin billi messilhom il-partijiet intimi waqt li kienu qegħdin jiżfnu fi stabbiliment Paceville.

Madankollu fl-istqarrija li ta lill-Pulizija, waqt l-interrogazzjoni tiegħu,  huwa ammetta li ttanta żewġ tfajliet fl-istabbiliment Hugo’s kważi tliet snin ilu. Carl Vella ta’ 25 sena min-Naxxar kien qed jiġi mixli li fis-6 ta’ Diċembru 2011, f’xi ħin bejn nofs il-lejl u t-3.00 a.m. ikkommetta attentat fuq il-pudur ta’ Simone Brauener u Stanislava Dobrovolna.

Huwa pero’ nstab ħati li kiser il-paċi pubblika kif ukoll li hedded u rreżista Surġent u żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija, Ta’ dan huwa ġie kundannat sitt xhur ħabs sospiżi għal 18-il xahar.

Il-fatti tal-każ seħħew billi l-Pulizija fl-Għassa ta’ San Ġiljan kienu rċevew telefonata minn wieħed mill-uffiċjali tas-sigurtà fil-Hugo’s Bar li kien hemm persuna qed targumenta magħhom u għalhekk kien hemm bżonn l-għajnuna tal-Pulizija.

Numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija marru fuq il-post u raw lill-akkużat jargumenta mal-uffiċjali tas-sigurtà tal-imsemmi stabbiliment. L-istess uffiċjal tas-sigurtà li ċempel lill-Pulizija qalilhom ukoll li żewġ tfajliet barranin kienu qegħdin jallegaw li waqt li kienu qegħdin jiżfnu, persuna tas-sess maskili bdiet iddejjaqhom u anke messitilhom il-partijiet intimi.

Il-Pulizija kienu arrestaw lil Vella u ħaduh il-poliklinika tal-Furjana sabiex jiġi eżaminat minn tabib u mbagħad sal-‘lock-up’ tal-Furjana. Meta kien interrogat, Vella ammetta li ttanta żewġ tfajliet barranin billi ipprova jiżfen magħhom imma ċaħad li messhom b’mod li dejjaqhom u li bdew jgħidulu biex iħallihom bi kwiethom.

Fit-tieni stqarrija lill-Pulizija huwa ammetta li kien avviċina lil waħda mit-tfajliet u din injoratu imma ċaħad li ipprova jdaħħal idejh bejn kuxxtejn waħda minnhom jew li qabdilha l-warrani. Fl-awla xehdu ukoll iż-żewġ tfajliet fejn Braeuner qalet li x’ħin kienet qed tiżfen fil-Hugo’s Passion avviċinaha raġel li qabdilha l-warrani u qiegħed idejh bejn koxxitha.

Hija qalet li neħħitlu jdejh u telqet band’oħra tal-istess stabbiliment fejn bdiet tiżfen ma’ ħabiba tagħha mbagħad reġa ġie l-istess raġel li beda jipprova jmiss lill-ħabiba tagħha.

X’ħin din ħarġet mill-istabbiliment, ir-raġel ħareġ reġa’ ġie fuqha u messilha wiċċha. Min-naħa tagħha, Dobrovolna qalet li hija kienet qed tiżfen mal-ħabiba tagħha fl-istabbiliment imsemmi fejn ġew avviċinati minn raġel li ried jiżfen mal-ħabiba tagħha u mbagħad magħha imma huma ma riedux.

Hija qalet li ma rat li ġara xejn bejn dan ir-raġel u seħbitha u semmiet kif l-unika ħaġa li għamel kien li talabha tiżfen miegħu u messilha jdejha u spalltiha. Meta ż-żewġ tfajliet intalbu jgħidu fl-awla jekk kienu qed jagħrfu lill-akkużat bħala r-raġel li ittantahom, it-tnejn li huma wieġbu finnegattiv.

Xehed ukoll is-Supretendent Stephen Gatt, fejn dan qal li għalkemm mis-CCTV camera tal-istabbiliment imsemmi l-akkużat deher jaġixxi qisu bniedem fis-sakra, huwa ma deherx jagħmel dak li allegat waħda mit-tfajliet.
L-Ispettur Luke Bonello wkoll ikkonferma li meta kellem liż-żewġ tfajliet u wriehom lill-imputat dawn stqarrew miegħu li ma kienx hu li immolestahom.

Xehdu wkoll is-Surġent Terry James Mallia, flimkien mal-Kuntistabbli Anthony Zammit u David Mizzi, fejn dawn qalu li ntbagħtu fuq il-post fejn tal-ewwel qal li Vella ipprova jixxuttjah u meta ħaduh fil-klinika beda jgħajjarhom. Iż-żewġ pulizija l-oħra wkoll xehdu kif Carl Vella beda jirreżisthom bil-Kuntistabbli Mizzi jgħid li beda jakkużahom ukoll  li huma korrotti.

Wara li semgħet dawn il-provi, il-Qorti irrimarkat li ma jirriżultax li Vella offenda l-pudur taż-żewġ tfajliet imma sabitu ħati li kiser il-kwiet pubbliku u rreżista lill-Pulizija. Hija qieset ukoll li fiż-żmien imsemmi Vella kien uffiċjal tal-Pulizija u qalet li m’hemmx dubju li r-reati kommessi minnu huma reati li bħala membru tal-Pulizija kellu d-dmir li jara li ma jsirux u għalhekk il-piena żdiedet bi grad.