Qorti

Sentenza sospiża għall-mara tal-“Porporina”, li ippruvat iddaħħal droga fi Sptar

Il-mara ta’ Alfred Bugeja, magħruf bħala “il-Porporina”, li għandha 37 sena mill-Belt, instabet ħatja li ppruvat iddaħħal id-droga f’sala fl-Isptar San Luqa, fejn kien hemm żewġha. Dwar dan hi ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs sospiżi għal sentejn. Is-sala, magħrufa bħala St Michael’s Ward, tagħmel parti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, għalkemm tinsab fil-bini tal-Isptar San Luqa.

Helen Bugeja nstabet ħatja li fis-27 ta’ Settembru 2005 kellha fil-pussess tagħha l-eroina u d-Dihydrocodeine, kif ukoll il-mediċini Diazepam u Bromazepam mingħajr awtorizzazzjoni. Hi nstabet ħatja wkoll li bħala persuna mhux impjegata fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin ippruvat iddaħħal oġġett projbit u li kisret sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati.

Is-Supretendent Norbert Ciappara, li mexxa l-Prosekuzzjoni fil-każ, spjega lill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras kif dakinhar hu kien infurmat li żewġ Gwardjani tal-Ħabs li dak il-ħin kienu stazzjonati fis-Sala kienu għamlu tfittxija fuq l-akkużata. Waqt it-tfittxija, il-Gwardjani sabu żewġ qratas b’pilloli u sustanza suspettuża.

Iż-żewġ Gwardjani nisa, Karen Gafà u Teres Agius, xehdu li għamlu strip search fuq l-akkużata u għalkemm fuqha ma sabu xejn, fil-portmoni tagħha sabu borża żgħira bi ftit pilloli u pakkett trab kannella. L-Ispiżjar Mario Mifsud, li eżamina dak li sabu ż-żewġ gwardjani, xehed li żewġ pilloli kienu Augmentin u jintużaw bħala antibijotiċi, kif ukoll seba’ pilloli oħra Dihydrocodeine, 10 pilloli Diazepam u Bromazepaw, li huma trankwilizzanti. It-trab kannella kien 0.101g eroina b’purità ta’ 33.3%.

Fl-istqarrija tagħha lill-Pulizija, Bugeja ikkonfermat li marret tara lil żewġha u li l-qratas tal-eroina kienu tagħha. Hi ċaħdet li kienet se tagħtihom lil żewġha u sostniet li dak iż-żmien ma kinitx qed tuża’ l-eroina iżda d-DHC għax kienet dieħla Dar l-Impenn. Madankollu, minħabba li qabduha d-dwejjaq, kienet se taħraq l-eroina. Meta xehdet quddiem il-Maġistrat Galea Sciberras, Bugeja reġgħet saħqet li d-droga kienet għaliha u li kienet xtratha minn ħdejn l-Isptar stess.

Wara li semgħet il-provi, il-Maġistrat Galea Sciberras qalet li temmen li fil-verità d-droga li kellha Bugeja kienet intiża għaliha, tant li x’ħin waslet fis-Sala talbet mill-ewwel għaċ-ċavetta tal-locker biex tħalli l-baskett hemm. Madankollu, qalet li l-akkużata kienet taf fejn sejra u li ma setgħetx iddaħħal droga. Madankollu, minflok ma ħaditha d-dar jew xtratha wara, għażlet li tibqa’ sejra bid-droga b’kollox għall-viżta tagħha ma’ żewġha.

Il-Qorti sabitha ħatja biss li kellha l-eroina u d-dihydrocodeine, kif ukoll li ppruvat iddaħħal oġġett projbit fil-konfini tal-Ħabs. Madankollu, ma sabithiex ħatja li kellha fil-pussess tagħha d-Diazepam u l-Bromazepam. Meta ġiet biex tagħti l-piena, il-Qorti kkunsidrat fost l-oħrajn il-kondotta ta’ Helen Bugeja, li minnha jirriżulta li ilha bil-problema tad-droga mill-1993, fejn f’erba’ okkażjonijiet instabet ħatja ta’ reati relatati.