Roderick Macdonald, l-anzjan Ingliż ta’ 76 sena minn Aldershot u li lbieraħ inqabad mill-Pulizija f’Għawdex, ma oġġezzjonax għat-talba li saret minn pajjiżu biex jiġi estradit. Macdonald instab ħati u jrid iservi terminu ta’ ħabs f’pajjiżu wara li kkorrompa tifla ta’ 13-il sena. Mistoqsi mill-Maġistrat Audrey Demicoli, l-anzjan qal li ma kellu l-ebda oġġezzjoni li jiġi estradit lejn pajjiżu, anzi qal ukoll li ma kienx qed jitlob għad-dritt skont il-Liġi biex jibqa’ Malta għal xi ġranet oħra.
Il-Qorti nfurmat lill-anzjan li dak li qed jiddikjara hu irrevokabbli, iżda hu baqa’ jżomm mal-pożizzjoni tiegħu. Għaldaqstant, hu ttieħed lejn il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sakemm iħalli Malta. Roderick Macdonald ilu mfittex mill-Pulizija għal dawn l-aħħar 25 sena u nqabad ilbieraħ f’Għawdex, fejn kien qed joqgħod f’Ta’ Sannat. Fl-aħħar snin, hu kien ukoll fl-aħbarijiet wara li tabloids Ingliżi, fosthom Daily Mail u Daily Mirror, kienu allegaw li hu kien fil-viċinanzi ta’ Algarve, il-post turistiku fil-Portugall fejn kienet sparixxiet iċ-ċkejkna Madeleine McCann.
Fil-Qorti, l-akkużat ikkonferma li kien magħruf qabel bħala Roderick William Robertson. Hu kien ukoll inqabad fit-Tajlandja u kien jagħmel parti minn operazzjoni maħduma mill-British Serious Organised Crime Agency. Fit-Tajlandja, il-Pulizija kienet arrestatu wara informazzjoni li kellha minn Uffiċjali tal-Pulizija bbażati f’Bangkok, fejn kien inqabad qrib il-bajja popolari ta’ Pattaya. Macdonald kien irnexxielu jaħrab ukoll mit-Tajlandja lejn l-Awstralja meta kien qed jistenna biex jgħaddi proċeduri dwar abbuż sesswali ripetut fuq tifla.
L-anzjan kien arrestat fl-Awstralja sena wara talli sena wara allegatament abbuża minn tifla oħra taħt l-età. Waqt li kien bil-libertà proviżorja, hu mar lejn New Zealand, fejn hemm ukoll kien akkużat li abbuża minn numru ta’ bniet. Wara li reġa’ ħarab, f’April 2010 kien inqabad fil-Portugall waqt ħidma mill-Interpol f’Algarve fil-Portugal. Il-ġurnali Ingliżi kienu dejjem jirrapportaw li l-akkużat hu persuna perikoluża fejn tidħol attività sesswali fuq it-tfal kull fejn kien imur.
L-Ispettur Mario Cuschieri mexxa l-Prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Renzo Porsella Flores deher bħala Avukat tal-Għajnuna Legali f’isem Macdonald.
(Ritratt: meta Macdonald kien arrestat fit-Tajlandja)
Aktar kmieni …
Anzjan Ingliż ta’ 76 sena li kien imfittex f’pajjiżu biex iservi piena ta’ priġunerija kien arrestat ilbieraħ mill-Pulizija Maltija fl-inħawi Ta’ Sannat f’Għawdex.
Fir-Renju Unit, l-anzjan kellu jservi l-piena ta’ priġunerija dwar reati sesswali fil-konfront ta’ minorenni. Hu kien intraċċat u arrestat minn membri tal-Korp tal-Pulizija. Hu mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin, fejn mistennija ssir talba ta’ estradizzjoni.
//= $special ?>