Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali wiegħed pjan għall-enerġija bbażat fuq il-bini ta’ power station ġdida sa sentejn wara li jitla’, u li jekk ma jibnihiex sa sentejn, jirriżenja. Joseph Muscat wiegħed fil-falz. U kompla jwiegħed fil-falz anke sa ftit xhur ilu. Imma ż-żmien jgħaddi u l-giddieb għomru qasir, jgħid il-Malti.
‘Fabbrika tal-kanċer’
Joseph Muscat gideb bil-kbir meta qal li l-power station tal-BWSC hi ‘fabbrika tal-kanċer’. B’mod tal-mistħija, uża familja li tbati mill-kanċer għall-gideb tiegħu. Issa, ħalla l-fabbrika tal-kanċer għaddejja. Gideb.
Iffrankatlu €50 miljun
Joseph Muscat għamel kampanja personali u feroċi kontra l-power station tal-BWSC. Qal li mhijiex effiċjenti. Illum dil-power station qed taħdem u l-Gvern biha qed tiffranka 50 miljun ewro fis-sena – miljun ewro fil-ġimgħa. Ir-roħs li ta hu mertu biss ta’ dak li għamel qablu l-Gvern Nazzjonalista.
Iċ-Ċiniżi jixtru proprju l-impjant tal-BWSC
Joseph Muscat fetaħ ħanut biex ibigħ dak li ħallielu l-Gvern Nazzjonalista. Fil-ħanut ġab liċ-Ċiniżi, u qallhom, “Ara xi tridu tixtru.” U ċ-Ċiniżi, mill-ħanut kollu għażlu proprju l-power station tal-BWSC. Se jkollhom kontroll sħiħ fuqha. Daqshekk hi tajba l-power station tal-BWSC. Lil Joseph Muscat anke ċ-Ċiniżi giddbuh.
Liema elettriku se jixtri l-ewwel, tal-Electrogas jew taċ-Ċiniżi?
Il-power station taċ-Ċiniżi kapaċi tipproduċi kważi l-elettriku kollu li għandna bżonn. Imma Muscat intrabat mal-konsorzju li se jibni power station oħra, l-Electrogas, li tagħhom jixtri elettriku. Naturalment issa għandu problema. Jekk l-elettriku ma tbigħux, ma tistax terfgħu. Liema elettriku se jixtri? Tal-Electrogas jew taċ-Ċina?
X’se jgħid lill-credit rating agencies?
Joseph Muscat f’Malta rnexxielu jigdeb li “konvintissimu” li l-power station kienet on course. Imma maċ-Ċina u mal-Electrogas ma rnexxilux. Reġgħu fetħu n-negozjati. U l-credit rating agencies żammew il-credit rating ta’ Malta basta Muscat jibni power station oħra saż-żmien li qalilhom. X’se jgħidilhom issa?
Magna tal-gideb
Joseph Muscat ma jistax jitwemmen. Għandu proġett li mhux qiegħed tard; lanqas biss beda. Wiegħed kollox lil kulħadd. Wiegħed liċ-Ċina li jixtri l-elettriku tal-impjant tal-BWSC u wiegħed lill-Electrogas li jixtri d-dawl li jipproduċu huma, meta m’għandux bżonnu kollu. Waqt li l-proġett wieqaf, jigdeb lill-ġurnalisti li kollox on track. Gidba oħra ma’ dik li jirriżenja jekk ma jlestix il-power station il-ġdida f’sentejn. Mhux fabbrika tal-elettriku bena Muscat, imma magna tal-gideb.