Lokali

ESKLUSSIVA: Ħaddiema tal-Enemalta u kuntratturi ordnati “jqaxxru kull ma hemm” qabel żjara taċ-Ċiniżi fil-Korporazzjoni

Ħaddiema tal-Enemalta u kuntratturi tat-tindif fil-bini tal-Korporazzjoni fil-Marsa ġew ordnati “jqaxxru kull ma hemm” għax għada se tasal delegazzjoni Ċiniża minn Shanghai Electric. Sorsi fil-Korporazzjoni li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-ordni ħarġet lill-ħaddiema b’urġenza u x-xogħol beda jsir mill-bieraħ biex jitlesta f’anqas minn 48 siegħa.

Minħabba din l-ordni urġenti, il-ħaddiema tal-Enemalta u l-kuntratturi dehru jnaddfu kull rokna tal-bini b’kull mezz possibbli. L-informazzjoni li għandna tgħid ukoll li l-ħaddiema li ġew ordnati jnaddfu qed ikollhom pressjoni qawwija mill-kapijiet tagħhom biex ifittxu jeħilsu qabel il-wasla taċ-Ċiniżi għada. Mhux magħruf għaliex din il-wasla baqgħet tinżamm mistura mill-Gvern.

MaltaRightNow.com jinsab infurmat li d-delegazzjoni se tasal Malta biex tiddiskuti mal-Gvern u l-Enemalta kif se tissolva l-problema tal-bini tal-Power Station il-ġdida. Dan wara li l-Gvern jidher li ntrabat li jixtri dak kollu li tipproduċi l-Power Station tal-BWSC, li issa se tkun poprjetà assoluta taċ-Ċiniżi.

Il-Gvern jidher ukoll li ntrabat biex jixtri għal numru ta’ snin dak kollu li tipproduċi l-Power Station li għad trid tinbena mill-konsorzju Electrogas. Dan se jwassal biex il-Gvern ikun qed jixtri bilfors aktar milli għandu bżonn, filwaqt li jkollu interconnector li ma jkunx qed jintuża’.