Qorti

Aġġornata: 13-il sena priġunerija għal George Xuereb, ħati tal-akkużi kollha miġjuba kontrih

George Xuereb, ta’ 49 sena mill-Marsa, kien ikkundannat 13-il sena ħabs mill-Imħallef Michael Mallia wara li l-ġurati sabuh ħati ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġ Pulizija u attentat ta’ serq fl-1996 mill-fergħa tal-Mid-Med Bank f’St Andrews, f’hold-up li kien falla grazzi għall-intervent tal-Pulizija. Il-Qorti ordnat ukoll li jitnaqqas iż-żmien li għamel taħt arrest preventiv, li hu ta’ ftit anqas minn sena.

Wara 14-il siegħa ta’ deliberazzjoni, seba’ sigħat ilbieraħ u seba’ sigħat illum, il-ġurati ħarġu b’verdett ta’ ħati 8-1 fuq attentat ta’ serq, 7-2 ta’ attentat ta’ qtil ta’ żewġ Kuntistabbli tal-Pulizija, 8-1 ta’ serq ta’ revolver, 8-1 ta’ kompliċità fis-serq ta’ vann u 8-1 li kellu fil-pusses tiegħu arma bla liċenzja tal-Kummisarju tal-Pulizija. Instab ħati wkoll li sar reċidiv fuq serqa li kien wettaq minn residenza sentejn u nofs ilu.

Xuereb kien qed jinsab mixli li f’Marzu 1996 ipprova joqtol liż-żewġ membri tal-Korp wara hold-up li kien sar minn tlett irġiel fuq il-fergħa tal-Mid-Med Bank f’St Andrews.