Hekk kif Ottubru hu x-xahar li fih isiru kampanji fuq għarfien dwar il-kanċer tas-sider, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Claudio Grech żar l-Isptar Boffa fejn jingħataw is-servizzi tal-Onkoloġija, jiġifieri servizzi tas-saħħa marbuta mal-kanċer.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-ġnien tal-Isptar Boffa, Claudio Grech faħħar id-dedikazzjoni tal-persuni li jaħdmu f’dan l-Isptar. Matul iż-żjara, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni tkellem mal-uffiċjali tal-Isptar dwar il-pjani ta’ migrazzjoni lejn l-Isptar il-ġdid tal-Onkoloġija f’Tal-Qroqq, li kien beda minn Gvern Nazzjonalista u li kien ippjanat li jitlesta f’nofs din is-sena.
Enfasizza li hekk kif pajjiżna qed jagħmel qabża fis-servizzi tal-Onkoloġija permezz tal-Isptar il-ġdid, issa wasal iż-żmien li jkun hemm dibattitu fuq kif se jkun hemm aktar ekwita u aċċessibbiltà lill-persuni li jkollhom bżonn trattamenti speċifiċi għall-kanċer li ma jkunux finanzjati mill-Gvern.
//= $special ?>