Lokali

Il-benefiċċji soċjali f’pajjiżna huma effettivi iżda mhux biżżejjed għal ħajja diċenti

Il-benefiċċji soċjali f’Malta huma effettivi u għandhom impatt fuq persuni li huma fil-faqar jew fir-riskju tal-faqar. Madankollu, fl-istess ħin dawn mhumiex biżżejjed biex jipprovdu ħajja diċenti lill-persuni li huma benefiċċjarji. Dan ħareġ minn studju dwar id-dħul tal-familji fuq benefiċċji soċjali f’pajjiżna magħmul minn Anti-Poverty Forum Malta, li jiġbor fih għaqdiet volontarji u li hu parti minn network Ewropew.

Minn dan l-istudju, f’konferenza li saret dalgħodu f’Dar l-Ewropa, jirriżulta li fejn hemm familji li jirċievu l-benefiċċji soċjali u qed jikru minn renta kummerċjali, il-problema dejjem tikber. Fejn hemm familji li qed jgħixu ma’ ġenituri jew jikru minn social housing, il-benefiċċji soċjali huma effettivi. Madankollu, fejn hemm aktar spejjeż ta’ kiri u mediċini, il-benefiċċji soċjali mhumiex biżżejjed.

Preżenti għall-attività kien hemm il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, kif ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli. Puli nnota b’sodisfazzjon li r-rapport juri li s-sistema ta’ benefiċċji soċjali f’pajjiżna, kif imħaddma fl-aħħar snin, kienet għodda effettiva kontra l-faqar assolut. Qal li l-istudji juru li l-faqar relattiv f’pajjiżna żdied b’6,000 fl-2013. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni sostna li għaldaqstant, il-pajjiż għandu jaħdem biex l-adekwatezza tal-benefiċċji soċjali, inkluż il-pensjonijiet tal-irtirar, jiżdiedu biex jilħqu l-miri Ewropej.