Ekonomija Lokali

Il-Ministri tat-Turiżmu u tal-Ekonomija ma jaqblux fuq il-branding ta’ Malta

Il-Ministru tat-Turiżmu Edward Zammit Lewis u l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona esprimew opinjonijiet differenti dwar il-branding. Dan in-nuqqas ta’ qbil hu biss wieħed mid-diversi aspetti importanti tal-ekonomija Maltija li ż-żewġ Ministri, li jikkontestaw l-istess distrett u mal-istess partit, ma jaqblux dwarhom.

Dan hekk kif fuq l-istazzjon televiżiv tal-Partit Laburista, il-Ministru Zammit Lewis sostna li Brand Malta m’għandhiex tippromwovi immaġni waħda, iżda għandu jkollha messaġġi diretti lejn udjenzi differenti. Min-naħa l-oħra, f’konferenza dwar id-dehra ta’ Malta barra l-Unjoni Ewropea, il-Ministru Cardona qal li jemmen li l-pajjiż għandu jadotta “master image“.

Din il-pożizzjoni hi opposta għal dik ta’ Mario Vella, li jmexxi l-Malta Enterprise, li hi l-aġenzija responsabbli biex tattira l-investiment lejn Malta. Fl-istess panel fid-diskussjoni, ipparteċipa wkoll l-istess Mario Vella, li l-kariga tiegħu taqa’ taħt il-Ministru Chris Cardona. Vella kompla ħawwad il-biegħa meta qal li l-ebda investitur industrijali ma jiġi Malta għax jara riklam.

Mario Vella sostna li l-messaġġi li jippromwovu l-investiment għandhom ikunu magħmula speċifikatament skont il-ħtiġijiet tal-ekonomija Maltija.