Il-Ministru Joe Mizzi, responsabbli mit-tlestija tal-proġett tal-bini tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt, fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra baqa’ ma jridx jgħid meta se jkun lest il-bini l-ġdid u meta l-Parlament jista’ jibda jiltaqa’ fil-bini l-ġdid. Minkejja l-mistoqsijiet ċari u ripetuti għal diversi drabi mill-membri tal-Oppożizzjoni, il-Ministru Mizzi baqa’ jirrifjuta li jagħti data indikattiva dwar meta jista’ jitlesta l-bini tal-Parlament.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament Mario de Marco ġibed kemm-il darba l-attenzjoni tal-Ministru Mizzi, li fi stqarrija li ppubblika l-istess Mizzi meta ħabbar li l-proġett tal-Parlament mhux se jkun lest kien informa lill-iSpeaker li fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra kienet se tingħata spjegazzjoni dwar fejn wasal ix-xogħol fuq il-bini l-ġdid tal-Parlament u wkoll li kien se jagħti data indikattiva dwar meta se jitlesta l-bini l-ġdid tal-Parlament.
Quddiem dawn il-mistoqsijiet ċari, il-Ministru Mizzi baqa’ jirrepeti li hu mhux se jagħti dati, filwaqt li rrimarka li ma kienx hu li stabilixxa d-data tat-12 ta’ Ottubru li għadda bħala d-data li fiha jkun inawgurat il-bini l-ġdid tal-Parlament. Għal din id-dikjarazzjoni, kien hemm reazzjoni mill-membri tal-Oppożizzjoni u mill-Ispeaker, li għamel dikjarazzjoni u ċċara li kien fil-laqgħa tas-27 ta’ Ġunju li għadda li d-Deputat tal-Gvern Carmelo Abela qal li l-ħsieb tal-Gvern kien li l-Parlament jieqaf għas-Sajf u jibda f’Ottubru, bil-possibbiltà li l-Parlament jiltaqa’ fil-bini l-ġdid tal-Parlament.
Il-Viċi Kap tal-PN qal li mhux aċċettabbli li l-Ministru Mizzi jitfa’ t-tort fuq kulħadd ħlief fuqu nnifsu, filwaqt li rrimarka li l-pożizzjoni ta’ Mizzi quddiem il-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra hi li mhux kapaċi jagħti data dwar meta hu mistenni li jitlesta l-bini l-ġdid tal-Parlament. Mario de Marco fisser li l-iskop tal-laqgħa tal-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra kien li tingħata spjegazzjoni dwar fejn waslu x-xogħolijiet u data indikattiva ta’ meta se jitlesta x-xogħol biex isir it-trasferiment tal-Parlament.
Filwaqt li l-iSpeaker waqqaf lill-Ministru Mizzi milli jirrepeti dikjarazzjonijiet li kien diġà għamel quddiem il-Kumitat, fost l-oħrajn li għamel dak kollu li wiegħed b’rabta mal-proġett tal-bini tal-Parlament il-ġdid, il-Ministru Mizzi qal li se jistenna lill-kuntratturi biex jagħtuh data ta’ meta se jlestu x-xogħolijiet. Dan minkejja li l-Ministru Mizzi qal li mill-1 ta’ Ottubru ‘l hawn għamel diversi laqgħat mal-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (GHRC) u mal-kuntratturi b’rabta max-xogħolijiet pendenti li għad fadal fil-proġett.
Sadanittant, Joe Mizzi lanqas ma wieġeb mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar meta kien infurmat li x-xogħolijiet kienu qed jaqgħu lura. Mizzi qal li hu stenna sad-data stabbilita li fiha kellhom ilestu x-xogħlijiet, jiġifieri t-30 ta’ Settembru li għadda, biex ħa nota ta’ dak li kien għad fadal x’jitlesta fil-proġett.
Wara li ċ-Chairman tal-GHRC Stefan Ztrinzo Azzoaprdi, akkumpanjat minn Chris Paris, ta spjegazzjoni dettaljata tal-progress li sar fil-proġett tal-bini l-ġdid tal-Parlament, li fissru bħala proġett ta’ livell għoli li f’ħafna aspetti l-kuntratturi sabuha diffiċli biex jimplimentaw id-disinn ta’ Renzo Piano, il-Ministru Mizzi fisser li fil-fehma tiegħu hemm ħafna aktar xogħol xi jsir minn dak li qed jiġbdu l-attenzjoni dwaru l-kuntratturi.
Iċ-Chairman tal-GHRC għamel preżentazzjoni dwar il-progress tax-xogħol fuq il-proġett sa minn meta beda, kif ukoll daħal fid-dettal tax-xogħolijiet li fadal isiru fil-binja, bl-aktar xogħol li fadal hu dak marbut mal-aħħar fażi tal-kisi bil-ġebla ta’ parti mill-faċċata tal-binja. Hemm ukoll ħafna xogħol xi jsir ta’ għamara, li għadha ma waslitx minn barra, u li l-kuntratturi li ordnaw il-materjal minn barra ma żammux lanqas mad-dati stabbiliti. Xogħol li għadu lura wkoll hu fil-Plenarja, fejn tiltaqa’ l-Kamra tad-Deputati.
Fi tmiem il-laqgħa, l-iSpeaker informa lill-Ministru Mizzi biex iżomm lill-Parlament infurmat dwar l-iżviluppi fil-proġett.
//= $special ?>