Lokali

Jogħlew il-miżati għall-eżamijiet tal-MATSEC

Mil-lum għolew il-miżati għal dawk l-istudenti kollha li se japplikaw għall-eżamijiet tal-MATSEC.

Dawk l-istudenti li jkollhom eżamijiet ta’ l-A level ta’ suġġetti li jirrekjedu l-prattika issa se jibdew iħallsu €20 minflok €6.99. Ġew introdotti wkoll miżati ġodda għall-prattika f’suġġetti ta’ l-O level u l-Intermediate, – €10 u €20 rispettivament.

Bil-prezzijiet il-godda, miżata tar-reġistrazzjoni żdiedet għall-15-il ewro minn €11.65, filwaqt li l eżamijiet ta’ l-O level, intermediate u A-level żdiedu kollha b’€7.

Għall-O level trid tħallas €21 għal kull suġġett, €25 għal-intermediate level u €28 għal-A-level.

Barra minn hekk dawk li japplikaw tard għall-eżamijiet se jibdew iħallsu €70 minflok €46.59. Dawk li jdumu aktar ma japplikaw, iħallsu €35 kull suġġett minflok €23.29.

Għal servizzi oħra, bħal stampar mill-ġdid tal-karta tar-Riżultat, l-istudent irid iħallas €10 minflok €5. Dawk li jkunu jixtiequ kopja taċ-ċertifikati ta’ eżamijiet li jkunu għamlu fis-snin ta’ qabel iħallsu €20 minflok €11.65.