Il-jumbo screen li ttella’ bla permess ħdejn il-bini tal-Partit Laburista, is-Super One fil-Marsa, hu bla permess u dan fl-istess waqt li baqa’ jintuża u jirrekklamaw fuqu bi dħul ta’ flus.
Dwar dan il-jumbo screen li jinsab quddiem l-istudios tal-One u li jagħti għal fuq it-triq, saru diversi mistoqsijiet supplimentari mill-Oppożizzjoni waqt il-ħin tal-mistoqsijiet u li talbu spjegazzjoni kif dan il-jumbo screen għadu jitħaddem, jirreklamaw minnu u jiddaħħlu flus minnu minkejja li sal-lum għad m’hemmx permess.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb fil-Parlament għal dawn il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni billi qal li jekk alla jrid, l-affarijiet fuq din l-anomalija tkun ukoll irranġata.
Il-Prim Ministru kien qed iwieġeb fil-Parlament mistoqsija li ressaq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
It-tweġiba bil-miktub għal din il-mistoqsija fil-Parlament beda jweġibha s-Segretarju Parlamentari Michael Falzon minkejja li l-Prim Ministru Muscat kien preżenti fil-Kamra tad-Deputati.
Id-Deputati Nazzjonalisti Claudette Buttigieg u David Agius staqsew jekk dan hux ksur tal-liġi u jekk l-azzjonijiet ta’infurzar mhux qed jittieħdu minħabba li hemm involuta wkoll il-kumpanija tal-Partit Laburista fil-Gvern.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal li bħalissa hemm pendenti applikazzjoni sanatorja li ġġib riferenza PA2112/14 fuq is-sit imsemmi, liema applikazzjoni titlob li tissanzjona existing led advanced electronic billboard.
Is-Segretarju Parlamentari qal li minħabba li jirriżulta li saret din l-applikazzjoni li sal-lum għadha pendenti, l-istat ta’ fatt hu regolat skont il-liġi b’mod li kull eżekuzzjoni li tista’ toħroġ minn Avviż tibqa’ bil-liġi sospiża, pendenti l-eżistu tal-applikazzjoni. Hu qal li dan il-prinċipju ġie affermat f’diversi deċiżjonijiet tat-Tribunal.
Is-Segretarju Parlamentari Michael Falzon qal ukoll li minħabba li sal-lum għad m’hemmx permess, ma jistgħu jiġu imposti ebda kundizzjonijiet jew limitazzjonijiet tekniċi li jirregolaw tali permess.
Għal aktar mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni dwar jekk hux il-każ li kulħadd jista’jtella’ billboards bħal dawn u mbagħad wara jara jekk joħroġx il-permess, Michael Falzon qal li f’dan il-każ in kwistjoni, qed nitkellmu fuq kundizzjonijiet; ghad m’hemmx il-permess iżda l-ligi titkellem
ċar; u kien hemm diversi deċiżjonijiet tat-Tribunal dwar dan.
Kien f’dan il-mument li l-Prim Ministru intervjena, u qal li kemm il-darba persuna ddaħħal applikazzjoni biex tissanzjona xi ħaġa bħal din, kemm minħabba l-liġi u deċiżjonijet tat-Tribunal, l-azzjoni ta’ infurzar tittieħed fid-dawl ta’ deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu.
Il-Prim Ministru Muscat kompla li “jekk alla jrid l-affarijiet ikunu wkoll irranġati”.