Ekonomija Lokali

Malta l-agħar fl-Ewropa fl-industrija – il-PN

Fil-bidu tal-Manifest Elettorali tiegħu, il-Partit Laburista kien sostna li “dan il-Programm Elettorali hu roadmap ċara ta’ fejn irridu naslu flimkien” bħala parti minn “proċess realistiku minsuġ fuq il-viżjoni tagħna li rridu nkunu l-aqwa fl-Ewropa”. Madankollu, fejn jidħol l-industrija, li hu pilastru ewlieni tal-ekonomija ta’ pajjiżna u sors ta’ postijiet tax-xogħol għal eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin, l-Unjoni Ewropea llum iċċertifikat lil pajjiżna bħala l-agħar fl-Ewropa.

Dan qalu fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista, hekk kif il-produzzjoni industrijali niżlet b’7%, li tfisser l-akbar daqqa ‘l isfel mit-28 Stat Membru tal-UE. It-tnaqqis tal-produzzjoni industrijali f’pajjiżna kien saħansitra akbar minn dak tal-Greċja (6%), li fl-aħħar snin għadda minn diffikultajiet ekonomiċi kbar li ħallew problemi soċjali enormi fuq il-popolazzjoni tal-pajjiż.

Il-PN qal li dawn ir-riżultati mhumiex il-frott ta’ xi kriżi maġġuri fuq livell internazzjonali, minkejja li l-qasam tal-manifattura hu settur li jiltaqa’ kontinwament ma’ sfidi ġodda, b’mod partikolari l-kompetizzjoni mis-swieq emerġenti. Il-PN sostna li madankollu, dawn l-isfidi jitolbu li l-Gvern ikun hands on fuq is-sitwazzjoni u li jkun kapaċi jidentifika l-inizjattivi u l-inċentivi li jixprunaw lil dan is-settur biex jadatta għar-realtajiet tal-ġurnata. Dan għandu jsir qabel ma jkun tard wisq u jibdew jintilfu l-impjiegi tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Il-PN esprima t-tama li din l-istatistika ma taqax fuq widnejn torox u tixpruna lill-Gvern biex jieħu nota tas-serjetà tas-sitwazzjoni biex minn issa sal-Budget ifassal miżuri u inizjattivi konkreti li jixprunaw lill-industrija biex iddawar dawn l-isfidi f’opportunitajiet ta’ tkabbir u b’hekk jingħata serħan tal-moħħ lill-ħaddiema u l-familji tagħhom.