Dawk kollha li lbieraħ filgħaxija u dalgħodu marru jippruvaw jixtru minn More Supermarket fil-Ħamrun sabu l-aċċess magħluq wara li s-sidien kienu kostretti jissospendu s-servizzi tagħhom. Is-sidien kellhom jieħdu dan il-pass wara li rċievew talba oħra mis-sidien ta’ Daniel’s Shopping Complex biex b’mod immedjat iħallsu mill-anqas €50,000 ħalli jkunu koperti parti mill-arretrati li l-kumpanija trid tirċievi u ħalli eventwalment tagħmel pagamenti lill-Korporazzjoni Enemalta.
Il-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications dalgħodu żaret Daniel’s Shopping Complex fi Triq il-Kbira u setgħet tinnota avviż imwaħħal mal-bieb prinċipali, li kien jgħid “Supermarket Temporarily Closed – We apologise for any inconvience caused“. Il-Kamra tal-Aħbarijiet tagħna ilha mill-bieraħ filgħaxija ssegwi mill-qrib dak li kien qed jiġri f’More Supermarket tal-Ħamrun, li lbieraħ filgħodu fetaħ bħas-soltu, iżda li aktar tard matul il-jum kellu jingħalaq ħesrem minħabba li l-Korporazzjoni Enemalta qatgħet il-provvista tad-dawl.
Hu mifhum li s-sidien ta’ More Supermarket, li jinkludi wkoll supermarkets fil-Mosta, fil-Fgura, f’Paceville, fil-Belt u f’Ħaż-Żebbuġ, bħalissa qed jiltaqgħu biex jiddiskutu din il-problema serja u kif tista’ tkun solvuta b’mod immedjat. Il-mira hi li l-fergħa ta’ More Supermarket fil-Ħamrun ikun jista’ jkompli għaddej bil-ħidma tiegħu.
Sa April jew Mejju li għaddew, wieħed mill-proprjetarji ta’ More Supermarkets kien Ryan Schembri, li bħalissa hu mfittex mill-Pulizija u minn għadd kbir ta’ investituri u negozjanti b’rabta ma’ frodi li jaqbeż l-€40 miljun. Kien il-ġurnal In-Nazzjon li l-ġimgħa li għaddiet svela esklussivament din l-aħbar kbira ta’ frodi, li fiha hemm migduma għadd kbir ta’ investituri u negozjanti Maltin. In-Nazzjon qed kontinwament jinvestiga din l-istorja u jiltaqa’ ma’ negozjanti migduma fil-frodi, li wassal biex Schembri ħarab minn Malta f’nofs Settembru li għadda.
//= $special ?>