Lokali

Pożizzjoni ċara minn Simon Busuttil

Kull Gvern għandu jkun liberu li jixtri l-elettriku bl-orħos prezz

F’dikjarazzjoni li għamel illum quddiem il-Parlament, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil għamilha ċara li l-Oppożizzjoni se tkun qed tara li l-Gvern ma jintrabatx maċ-Ċiniżi li jixtri l-elettriku bilfors mill-impjant tal-BWSC, anke jekk pajjiżna ma jkollux bżonnu.

Bil-ftehim li għamel il-Gvern Malti mal-Gvern Ċiniż, l-impjant il-ġdid tal-BWSC issa hu f’idejn iċ-Ċiniżi, imma fl-aħħar sigħat ħareġ li n-negozjati mal-kumpanija Shanghai Electric Power waqgħu lura għax iċ-Ċiniżi jidher li qed jitolbu aktar kjarifiki mingħand il-Gvern Malti.

Skont rapporti, fost l-oħrajn qed jagħmlu kundizzjoni li jingħataw il-garanzija li l-Enemalta dejjem tixtri d-dawl prodott minn dan l-impjant, li se jgħaddi f’idejhom.

Simon Busuttil kompla li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tara wkoll li l-Gvern ma jintrabatx li jixtri l-elettriku bi prezz li jista’ jkun ogħla milli kieku jixtrih minn bnadi oħrajn, jew mill-prezzijiet tas-suq, bħal per eżempju mill-interconnector, fejn jista’ jkun irħas.

Simon Busuttil innota li l-Gvern diġà ntrabat li jixtri l-elettriku mingħand l-ElectroGas, il-kumpanija li se tibni l-power station il-ġdida tal-gass, proġett li issa waqa’ lura. U allura ma jagħmilx sens li jintrabat ukoll li jagħmel l-istess maċ-Ċiniżi.

Għalhekk, kompla jwissi Simon Busuttil, jekk il-Gvern ma jżommx mal-linji bażiċi li diġà ntrabat magħhom, allura l-Oppożizzjoni tagħmilha ċara li dan ma jkunx aċċettabbli għaliha, u fil-Parlament beħsiebha toġġezzjona għal dan il-ftehim.

Il-Kap tal-PN temm jgħid li l-Prim Ministru ma jista’ jemmnu ħadd. Kien wiegħed li l-Powerstation tkun lesta f’Marzu li ġej, imma issa qed jammetti li din il-mira mhux se tintlaħaq, u hemm dubji kemm id-dewmien verament se jkun ta’ ftit xhur.