Il-Ministru tal-Intern Manuel Mallia ma weġibx mistoqsijiet speċifiċi fuq transfers fil-Korp tal-Pulizija u li dwarhom l-istess Ministru ngħata dettalji biex jagħti r-raġunijiet għaliex seħħew dawn it-transfers, b’każ minnhom dwar Għawdxi li ngħata żewġ transfers fl-istess jum.
Għal erba’ mistoqsijiet li ressaq id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi fil-Parlament lejn nofs ix-xahar ta’ Mejju li għadda, il-Ministru responsabbli mill-Pulizija, Manuel Mallia, għażel li jwieġeb f’nofs Ottubru.
L-erba’ tweġibiet li ta l-Ministru dwar każi ta’ transfers fil-Korp tal-Pulizija, kienu kważi identiċi għal xulxin. F’ebda każ il-Ministru ma wieġeb fuq il-każ li kien riferut lilu, u ma tax ir-raġunijiet wara t-transfers imsemmija.
Minflok, ir-risposta tal-Ministru kenet tispjega li t-transfers tal-Pulizija jkunu ħarġu mit-tmexxija tal-Korp skont il-bżonnijiet tal-Korp biex jiffunzjona b’mod effettiv jew biex jitmexxa b’effiċjenza, jew skont il-kapaċitajiet tal-membri tal-Korp.
Il-mistoqsijiet tad-Deputat Nazzjonalista kienu jirrikjedu każijiet speċifiċi, u mhux riżultat ta’ transfers li jsiru regolari minn żmien għal żmien.
Każ minnhom irrigwarda Għawdxi li ngħata transfer lejn Għawdex wara li kien diġà trasferit lejn Malta meta laħaq maġġur, fejn filgħodu ngħata transfer lejn Għawdex, u sa filgħaxija ħareġ transfer ieħor biex jerġa’ jkun Malta.
Il-Ministru Mallia ntalab iwieġeb dwar l-esiġenzi li kien hemm biex uffiċjal f’Korp tal-Pulizija li suppost qed jitmexxa b’serjetà, jingħata żewġ transfers fl-istess ġurnata.
Mistoqsija oħra kienet tirrigwarda każ ta’ membru fil-Korp li ngħata erba’ transfers f’ġimgħa waħda – miż-Żejtun għat-Taqsima tat-Traffiku, għal San Ġiljan u wara għall-Ħamrun.
Il-Ministru Mallia għażel li ma jweġibx dwar x’kienu l-esiġenzi tal-Korp li jingħataw erba’ transfers lill-istess persuna fl-istess ġimgħa.
Il-Ministru Mallia ma kienx preżenti fil-Kamra biex iwieġeb u jirrispondi għall-mistoqsijiet supplimentari tal-Oppożizzjoni, u li saru dwar il-mod li bih ta t-tweġibiet il-Ministru Mallia.
Minflok, wieġeb is-Segretarju Parlamentari Chris Agius, li ma setax iwieġeb aktar milli dak li kien hemm miktub fir-risposta li ta l-Ministru Mallia bil-miktub.
//= $special ?>

