Lokali

“Il-Gvern għandu jagħmel li jista’ biex jixtri l-elettriku bl-irħas prezz”

Il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni hija waħda cara: dik li kwalunkwe Gvern iħallas l-anqas possibli biex jixtri l-elettriku, biex fl-aħħar mill-aħħar, il-familji Maltin igawdu mill-irħas kontijiet possibli. Dan jista’ jsir biss jekk il-Gvern ta’ Joseph Muscat ma jintrabatx maċ-Ċiniżi li jixtri aktar elettriku mingħandhom milli għandu bżonn, bi prezz li kapaċi jkun ferm għola minn dak li jkun hemm fis-suq.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’laqgħa sabiħa li kellu mal-membri tal-Kumitati Sezzjonali, laqgħa b’attendenza numeruża li saret fid-Dar Ċentrali.

Simon Busuttil spjega kif il-Partit Nazzjonalista ma jistax jibqa’ kwiet quddiem dan l-aġir tal-Prim Ministru Joseph Muscat li ma jemmnu ħadd. Il-falliment tal-wegħda tal-Power Station hija sintomu ta’ bosta wegħdiet oħra li għamel u għadu qed jagħmel Muscat, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Simon Busuttil tkellem ukoll dwar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, u rringrazzja lill-membri tal-Kumitati Sezzjonali tal-appoġġ li sab fil-pożizzjoni li ħa u li kienet b’saħħitha biżżejjed biex biddlet dik tal-Gvern dwar meta għandhom isiru l-elezzjonijiet, jiġifieri s-sena d-dieħla. Din hija rebħa għal kull min għandu għal qalbu d-demokrazija lokali, jien l-ewwel wieħed, qal Simon Busuttil.

Simon Busuttil irringrazzja lill-membri tal-Kumitati Sezzjonali tal-ħidma tagħhom fil-lokalitajiet u ħeġġiġhom biex ikomplu jaħdmu anke fid-dawl tal-ewwel Konvenzjoni Ġenerali li se ssir bejn l-24 u s-26 ta’ Ottubru.