Editorjal

Editorjal: Il-Partit Nazzjonalista kellu raġun fuq l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali

Il-kwistjoni dwar it-tħassir tal-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ta’ Marzu li ġej hi kwistjoni maqlugħa mill-Prim Ministru għalxejn għax issa ta raġun lill-Partit Nazzjonalista. Imma hi kwistjoni li ttebba’ bil-qawwi l-kredenzjali demokratiċi ta’ Joseph Muscat li hu mexxej ta’ partit ukoll bi kredenzjali mtebbgħin ħafna fid-demokrazija. Għax nafu x’ried Muscat u nafu b’rajh x’kien jagħmel.

Tħassir tal-elezzjonijiet li Muscat ilu jinsisti fuqu mill-1 ta’ Ġunju
Il-Ħadd l-1 ta’ Ġunju li għadda, Joseph Muscat fil-Każin Laburista tan-Nadur, Għawdex, għamel diskors li fih ħabbar li ried ineħħi, jikkanċella, iħassar, l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li għandhom isiru f’Marzu li ġej. Dan li ried Muscat.

Pajjiż fallut u għajjien
Għal erba’ xhur sħaħ u nofs, Joseph Muscat qagħad jgħid li l-pajjiż hu għajjien tant bl-elezzjonijiet li ma jiflaħx jivvota aktar. U – agħar – Joseph Muscat qagħad jgħid li l-pajjiż hu fallut tant taħt it-tmexxija tiegħu li ma jiflaħx jagħmel imqar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’nofs il-pajjiż.

Jew il-pajjiż fallut jew Joseph Muscat giddieb
Dawn ir-raġunijiet Muscat issa telaqhom, imma qalhom. U dik li l-pajjiż ma jiflaħx elezzjonijiet hi serja. Tixhed li Joseph Muscat qed imexxi l-pajjiż ħażin, biex hu fallut tant li ma jistax jagħmel elezzjonijiet. Jekk mhux hekk, hi gidba ta’ Joseph Muscat. Li m’għandux minn fejn joħroġ: jew il-pajjiż fallut jew Joseph Muscat giddieb.

Insistenza qawwija ta’ Joseph Muscat anke mal-ġurnalisti
U baqa’ għaddej hekk, jgħid li jrid iħassar l-elezzjonijiet lokali. U b’insistenza. Meta ġurnalista tal-MaltaToday staqsietu jekk dak li kien qed jgħid kienx sempliċiment biex jitlaq idea u jara xi tkun ir-reazzjoni, Joseph Muscat qalilha b’qawwa li meta jitkellem hu ma jmurx jifflowtja l-ideat imma jkun qed jitkellem bis-serjetà.

Il-Partit Nazzjonalista b’argumenti qawwijin…
Il-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni qawwija biex jiddefendi d-demokrazija lokali. L-argumenti tal-Partit Nazzjonalista favur id-demokrazija fil-Kunsilli rebħu l-argument għax huma s-sens komun u loġiku favur id-dritt tan-nies li jitkellmu bil-vot.

… u bir-raġun mogħti lill-Partit Nazzjonalista
Hu Joseph Muscat stess li quddiem it-tbajja’ li hu stess tebba’ lilu nnifsu fihom fid-demokrazija lokali, daqq l-irtirata. L-elezzjonijiet tal-2015 se jsiru, hekk qal hu stess. Il-Partit Nazzjonalista kellu raġun jiddefendi d-demokrazija lokali mit-tħassir tal-elezzjonijiet li ried Muscat.