Bejn għada u l-Ġimgħa, delegazzjoni Ċiniża se tkun Malta u se żżur il-Power Stations tal-Marsa u ta’ Delimara. Sorsi li tkellmu ma’ MaltaRightNow.com qalu li l-ħaddiema tal-Enemalta kienu diġà nfurmati dwar dan b’memo li fiha tħabbar ukoll li l-Enemalta se tkun qed tneħħi il-boilers 3 u 4.
Dawn il-boilers kienu twaqqfu joperaw fi żmien Gvern Nazzjonalista meta kienet bdiet taħdem il-Power Station tal-BWSC. Il-ħaddiema huma nfurmati biex l-ebda ħaddiem, ħlief dawk awtorizzati, ma jkunu fil-viċinanzi ta’ dawn il-boilers, filwaqt li jekk xi ħaddiem jinqabad fil-pussess ta’ materjal minn dawn il-boilers, jittieħdu passi severi kontrih.
Il-kontroversja marbuta mal-politika tal-Gvern dwar l-Enerġija u l-mod kif il-Gvern mhux se jżomm il-wegħda elettorali tiegħu li jlesti Power Station il-ġdida fi żmien sentejn kompliet tikber hekk kif il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil ilbieraħ filgħaxija qal li kull Gvern għandu jkun liberu li jixtri l-elettriku bl-orħos prezz.
Bil-ftehim tal-Gvern Malti mal-Gvern Ċiniż, l-impjant il-ġdid tal-BWSC issa hu f’idejn iċ-Ċiniżi. Madankollu, jirriżulta li anke n-negozjati mal-kumpanija Shangai Electric Power waqgħu lura minħabba li ċ-Ċiniżi qed jinsistu għal aktar spjegazzjonijiet mil-Gvern Malti. Jidher li ċ-Ċiniżi qed jagħmlu kundizzjoni li jridu garanzija li l-Enemalta dejjem tixtri d-dawl li jipproduċi l-impjant li se jgħaddi f’idejhom.
Għall-Oppożizzjoni, hu fundamentali li l-Gvern ma jintrabatx li l-pajjiż jixtri ż-żejt minn sors wieħed li matul is-snin jista’ jkun ogħla minn enerġija mixtrija minn sorsi oħrajn u li tista’ tkun irħas, fosthom l-interconnector. Kwistjoni oħra li qed jiffaċċja l-Gvern hi dik dwar x’se jagħmel tajjeb għall-fatt li l-Gvern se jibqa’ għaddej bl-istrateġija li jraħħas il-kontijiet tal-enerġija meta l-Power Station il-ġdida mhux se tkun lesta kif wiegħed Muscat.
Bħalissa l-gvern hu mpenjat li jipprova jilħaq il-miri finanzjarji tiegħu dwar l-Enemalta propju għax qed ifalli fil-miri tiegħu.
//= $special ?>