Il-vittma fid-delitt li seħħ fil-Kalkara f’Ottubru 2013, Joseph Caruana, qala’ xebgħa f’rasu ftit qabel ma ġie sparat tir lejn dahru u tilef ħajtu. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Espert Mediku Mario Scerri, li tqabbad mill-Qorti. Hu qal li x’aktarx li d-daqqiet li qala’ saru bis-senter li ntuża’ fil-każ. Meta kompliet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli, ta’ Gregorio Scicluna ta’ 52 sena, mixli bil-qtil ta’ Joseph Caruana ta’ 61 sena, illum xehdu diversi Esperti Mediċi li tqabbdu mill-Qorti fl-inkjesta.
Scicluna, magħruf bħala “il-Goodie”, qed jiffaċċja total ta’ 11-il akkuża, b’dik l-aktar serja tkun ta’ omiċidju. Jinsab mixli wkoll bl-attentat ta’ qtil tal-eks sieħba tiegħu għal disa’ snin Simone Caruana u taż-żewġ uliedhom bniet, ta’ tlieta u ħames snin rispettivament, kif ukoll li kkaġuna feriti serji fuq Simone Caruana u binthom ta’ tliet snin.
It-Tabib Mario Scerri qal li l-eks sieħba tal-akkużat kellha feriti gravi, filwaqt li t-tarbija ntlaqtet f’dirgħajha. Qal li kien ra wkoll lill-akkużat, iżda dan ma kellu ebda feriti.
Xehdu ukoll il-Konsulenti Ali Safraz u Marie Therese Camilleri Podesta, li għamlu l-awtopsja fuq il-vittma. Qalu li dan kien żvina wara li qala daqqiet fuq rasu li kkawżaw qasma fil-moħħ u anke tir f’dahru. Min-naħa tiegħu, il-Kirurgu Kevin John Schembri qal li sab li Simone Caruana kienet intlaqtet f’sidirha, tant li kien hemm ċomba li waqfet qrib qalbha. Wara li sar ultrasound, ġie stabbilit li ma kienx hemm bżonn ta’ intervent akut u li fortunament il-qalb ma kinitx mittiefsa.
Espert ieħor imqabbad mill-Qorti, Martin Bajada, ippreżenta fil-Qorti rendikont ta’ telefonati u SMSs tal-ħabib tal-akkużat Reno Said. Xehed ukoll John Charles Ellul, li kien imqabbad mill-Qorti dwar provi fuq gun shot residue. Hu għadda dawn il-provi lil espert barrani biex ikompli l-analiżi tiegħu.
Għal Gregorio Scicluna qed jidher l-Avukat Michael Sciriha, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Keith Arnaud.
//= $special ?>

