Kultura Mużika

“Il Cantagiro” fl-Italja jawgura aktar suċċess

Għal darb’oħra, La Voix Academy mmexxija minn Gillian Attard tikseb suċċess ieħor, din id-darba ġewwa “Il Cantagiro”, kompetizzjoni tal-kant li sseħħ fl-Italja.

“Il Cantagiro” kienet kompetizzjoni maqsuma f’żewġ kategoriji, dik ‘Junior’ fejn kkompetew; Nicola Saliba, Gislaine Mifsud, Veronica Rotin, Andy Shaw, Ethan Attard, I Biricchini (Amy Mizzi, Kayden Chetcuti, Lisa Gauci), Syndey Rose u Kimberly Zarb; kif ukoll dik ‘Senior’ fejn pparteċipaw; Anthea Borg, Simaria Galea, Jasmar Cassar, Matthias Brancaleone, Rebecca Muscat, Sarah Farrugia, Mikhael Attard u Jacqueline Richard.

Mill-ewwel kategorija, jiġifieri dik ‘Junior’, ir-rebbieħa kienet Veronica Rotin, filwaqt li mit-tieni kategorija, jiġifieri dik ‘Senior’, ir-rebbieħa kienet Simaria Galea. L-organizzaturi tal-kompetizzjoni għażlu wkoll rebbieħ fuq kulħadd, u dan kien Jasmar Cassar, li interpreta kanzunetta oriġinali li ġġib l-isem ta’ “Ti Amo I Love” li kiteb hu stess flimkien ma’ Matt Mercieca u Elton Zarb. Din il-kanzunetta ħa tkun ppublikata fuq kumpilazzjoni ta’ kanzunetti taħt l-isem ta’ “Il Cantagiro 2014”.

Għalkemm għal numru minn dawn l-artisti, din ma kinitx l-ewwel esperjenza fuq livell internazzjonali, din kienet waħda li żgur mhux se jinsew fil-futur, anke minħabba li l-avveniment tagħhom kien muri permezz ta’ servizz dirett fuq is-sit, YouTube.

Fost l-istudenti ta’ La Voix Academy li kisbu suċċess f’dawn l-aħħar sentejn, wieħed għandu jirrikonoxxi lil; Gaia Cauchi, rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest 2013; Federica Falzon; rebbieħa tal-programm “Ti Lascio Una Canzone”; Maxine Pace; rebbieħa tal-programm “Una Stella Sta Nascendo” kif ukoll Veronica Rotin u Shauna Vassallo; finalisti tal-programm “Io Canto”.