Il-Gvern oppona u oġġezzjona li jixxandar fuq it-televiżjoni d-dibattitu ta’ nhar it-Tnejn dwar il-mozzjoni tal-Oppozizzjoni biex il-Parlament jiddiskuti l-aħħar żviluppi fil-proġett ta’ dan il-Gvern li jibni power station fi żmien sentejn – liema proġett mhux se jitlesta kif wiegħed il-Prim Ministru Joseph Muscat.
Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għall-Ħidma tal-Parlament, Mario de Marco, fil-bidu tas-seduta tal-bieraħ filgħaxija, ġibed l-attenzjoni tal-Kamra dwar it-talba li saret minnMedia Link Communications biex NET TV ixandar id-dibattitu Parlamentari tat-Tnejn li ġej.
Mario de Marco qal li fid-dawl tal-korrispondenza li saret ilbieraħ bejn il-Gvern, l-Opożizzjoni u l-Uffiċċju tal-Ispeaker dwar din it-talba għal xandir tas-seduta tat-Tnejn li ġej, iż-żewġ naħat tal-Kamra għandhom imorru lil hinn mill-prassi użati s’issa, anke fid-dawl tal-fatt li fil-bini l-ġdid tal-Parlament, se jkun hemm it-TV Parliamentary Channel.
Mario de Marco qal li kieku qed niltaqgħu fil-bini l-ġdid tal-Parlament kif kien il-ħsieb u l-mira tal-Gvern, ix-xandir viżwali tas-seduti parlamentari kienu se jibdew jixxandru sa mill-ewwel seduta, u dwar dan kien hemm il-qbil fil-prinċipju anke min-naħa tal-Gvern. L-Oppożizzjoni diġà ddikjarat li taqbel max-xandir tas-seduti fuq it-televiżjoni.
Għal din it-talba tal-Oppożizzjoni, il-Gvern oppona, bid-Deputat Laburista Deborah Schembri tirrepeti li m’hemmx qbil min-naħa tal-Gvern dwar din it-talba.
Id-Deputat Prim Ministru Louis Grech staqsa għaliex ix-xandir fuq it-televiżjoni tas-seduta dwar il-mozzjoni tat-Tnejn li ġej, u filwaqt li qal li fil-prinċipju jaqblu mat-TV Parliamentary Channel, irrimarka li hemm affarijiet li huma kumplikati u mhux il-waqt li noħolqu eċċezzjoni, liema eċċezzjoni l-Gvern ma jarax li hi ġustifikata.
Mario de Marco spjega li l-Oppożizzjoni ma ssibx oġġezzjoni li jkun hemm l-istazzjonijiet tat-televiżjoni l-oħra li jkunu jridu jxandru d-dibattitu sħiħ, mill-bidu sal-aħħar.
Fin-nuqqas tal-qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, l-Ispeaker qal li l-Ordnijiet tal-Kamra huma ċari u jekk ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ naħat, is-seduta tat-Tnejn li ġej ma tistax tixxandar fuq il-mezzi tat-televiżjoni.
//= $special ?>