Lokali

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella għall-inċentivi favur l-ekonomija

Il-Kamra tal-Kummerċ tappella lill-Gvern għal inċentivi biex l-ekonomija tkun ġenerata u biex il-pajjiż ma jitlifx iktar il-komeptittivita’.

Dan l-appell sar mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ David Curmi fi djalogu li l-kamra kellha mal-Prim Ministru fil-Belt. Fid-diskors tiegħu l-President tal-Kamra tal-Kummerċ ippropona li jinħarġu visas speċjali liċ-ċittadini Libjani li jagħmlu negozju f’Malta.

Hu appella wkoll lill-gvern biex il-Ħadd issir ġurnata normali ta’ kummerċ u biex ikun hemm reviżjoni tal-mod kif titkejjel iil-formula tal-ogħli tal-ħajja.

Il-Prim Ministru  tkellem dwar it-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl għall-industrija li se jsiru f’Marzu u qal li dan se jseħħ mingħajr il-ħtieġa li jkun hemm żieda fit-taxxi.

Hu tkellem dwar il-baġit li se jsir fil-ġimgħat li ġejjin u qal li fih se jkun hemm enfażi biex jitnaqqsu d-dipendenzi fis-settur soċjali u biex jinqata’ l-abbuż.

Dan bl-iskop li l-beneficcji jittieħdu minn dawk l-aktar li huma fil-bżonn. Il-Prim Ministru sostna li li inizjattiva oħra li se jitħabbru fil-baġit se jkunu favur il-ħolqien ta’ iktar public private partnerships.  Il-Gvern, sostna l-Prim Ministru, se jkun qed iħabbar lista ta’ proġetti li fihom jistgħu jsiru public private partnerships.

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar it-traffiku u espriema nuqqas ta’ qbil ma’ min qal li l-problema tat-traffiku hi biss perċezzjoni.

Joseph Muscat sostna li waħda mis-soluzzjonijiet huma proġetti ġodda bħal dawk li se jsiru fil-Kappara, fi Triq il-Kosta u ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata iżda magħhom iridu jkunu introdotti wkoll sistemi ġodda ta’ traffiku.

Dwar ir-riformi fil-pensjonijiet, il-Prim Ministru espriema sodisfazzjon għall-qbil fil-parlament dwar dawn il-liġi iżda sostna li hemm nuqqas ta’ qbil dwar il-pożizzjoni li qed tieħu l-Oppożizzjoni dwar il-pensjoni preżenti. Hu qal li l-Gvern ma jaħsibx li l-ekonomija Maltija tiflaħ żieda fir-rata tas-Sigurta’ Soċjali.