Lokali

Il-Ministru tat-Traffiku tilef ir-roadmap

Il-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi jrid jerfa’ r-responsabbilta’ politika għas-sitwazzjoni diżastruza li ġab fiha t-traffiku, sena u nofs wara li ħa t-tmexxija ta’ dan il-qasam f’idejh. Dan imur kontra wegħda oħra elettorali tal-Partit Laburista fejn kien qal “nagħtu prijorita’ lill-problema tat-traffiku li qed taffettwa l-kwalita’ tal-ħajja tal-familji u negozji Maltin u Għawdxin.”

Hekk tenna l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn qal li t-traġitti li normalment ma jeħdux aktar minn kwarta, sforz tal-inkompetenza tal-Ministru tat-Traffiku, qegħdin jieħdu aktar minn siegħa. U dan askapitu anke tal-ekonomija ta’ pajjiżna.

Barra minn hekk, dan qed ikun ta’ piż kbir f’ħela ta’ ħin u spejjeż fuq ħafna familji. Anke t-tfal tal-iskola qed ibatu l-konsegwenzi billi qed idumu ħinijiet twal fil-mezzi tat-trasport li jwassluhom l-iskola barra l-fatt li qed ikollhom jew iqumu kmieni biex imorru l-iskola jew jaslu tard għal-lezzjonijiet.

Il-Partit Nazzjonalista fakkar li wieħed irid iżomm quddiem għajnejh ukoll it-tniġġis tal-arja ta’ madwarna, li b’mod dirett taffettwa s-saħħa ta’ kull wieħed u waħda minna.

Li l-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi tilef ir-roadmap żgur mhijiex perċezzjoni tal-poplu. Il-Ministru ma jistax jibqa’ jitkellem qisu għadu fl-Oppożizzjoni : jekk mhux kapaċi jirranġa s-sitwazzjoni tat-traffiku f’pajjiżna, għandu jerfa’ r-responsabbilta’ tiegħu.