Qorti

Il-parti ċivili terġa’ titlob biex l-għadam ta’ Matthew Zahra jiġu separati ħalli ssir id-difna

Il-Qorti rċeviet talba oħra mll-Avukat Stefano Filletti, f’isem il-parti ċivili, biex l-għadam ta’ Matthew Zahra li nstab f’għalqa f’Birżebbuġa jiġi sseparat u jingħata lill-qraba biex issir id-difna. Zahra, ta’ 27 sena mill-Belt, kien ġie rrappurtat nieqes f’Jum Santa Marija 2012 u nstab maqtul fl-għalqa f’Lulju 2013. Hemm kienu nstabu maqtula wkoll Mario Camilleri u ibnu Mario Jr.

Fit-talba tiegħu, l-Avukat Filletti talab biex l-għadam tal-vittma jiġi magħżul minn għadam ieħor li kien instab, u li rriżulta li hu tan-nagħaġ. It-talba saret hekk kif illum kompliet il-kumpilazzjoni ta’ Jason Galea, ta’ 39 sena minn Birżebbuġa, u Ronald Urry, ta’ 50 sena minn Raħal Ġdid, mixlija bl-omiċidju ta’ Zahra. Galea jinsab mixli wkoll f’kawża oħra bil-qtil ta’ Mario Camilleri, magħruf bħala “L-Imnieħru”, u ibnu.

Sadanittant, xehdu wkoll l-Ispettur James Grech, is-Surġent Antoine Fenech u l-Kuntistabbli Adrian Pace, li spjegaw il-proċessi differenti ta’ investigazzjoni fuq il-katavru ta’ “l-Imnieħru”. Spjegaw ukoll li dawn kienu rrekordjati. Fil-Qorti kien ippreżentat ukoll filmat tat-tieni awtopsja li saret fuq il-katavru ta’ Mario Sr. F’dan il-filmat, deher ukoll il-katavru tal-vittma jinqala’ mill-qabar u jittieħed fil-Kamra Mortwarja.

L-Avukat Filletti qal li s-sieħba ta’ Matthew Zahra għadha ma ratx il-karkura tal-vittma, li kienet instabet mal-ħwejjeġ tiegħu waqt it-tfitxxija. Talab li fis-seduta li jmiss jinġieb l-Ispettur Fabian Fleri biex jispjega l-konklużjonijiet li saru wara li wkoll għebet ġiżirana tad-deheb mill-uffċċju tal-Quartermaster fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Il-ġiżirana, b’valur ta’ €25,000 u propjetà ta’ Zahra, kienet ukoll prova fil-proċeduri. Aktar tard, il-Qorti aċċettat it-talba biex l-Ispettur Fleri jixhed fis-seduta li tmiss.

Għal Jason Galea qed jidher l-Avukat Joe Gilgio, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Anzjan Chris Pullicino u l-Ispetturi Keith Arnaud, Michael Mallia, Fabian Fleri u Louise Calleja. L-Avukati Joe Brincat u Raphael Fenech Adami qed jidhru għan-nom tal-familja tal-vittmi Camilleri.