Il-katina ta’ supermarkets More, li hi mifruxa ma’ Malta bi stabbilimenti kbar fil-Ħamrun, fil-Mosta, fil-Belt, f’San Ġiljan, fil-Fgura u anke f’Ħaż-Żebbuġ, qed tiffaċċja problemi finanzjarji kbar ħafna, b’uħud minnhom dovuti għall-ingann ta’ €40 miljun fi frodi li bħalissa jinsab fuq fomm kulħadd. Sorsi qrib ħafna tal-kumpanija li tmexxi din il-katina ta’ supermarkets, qalu lil In-Nazzjon li għalkemm matul dawn l-aħħar ġimgħat il-kumpanija ffaċjat ċertu tip ta’ problemi finanzjarji, jidher li fl-aħħar jiem dawn il-problemi żdiedu b’mod drastiku.
Il-problemi qed ikomplu jiżdiedu anke minħabba li bosta suppliers irrikorrew għand it-tmexxija tal-kumpanija biex jitħallsu ta’ xogħol distribwit matul ix-xhur u l-ġimgħat li għaddew. Jidher li minn meta faqqa’ l-iskandlu ta’ €40 miljun li fih hemm imdaħħal Ryan Schembri, li sa April/Mejju li għadda kien direttament involut f’More Supermarkets, il-kredituri bdew jiġru għal flushom ferm aktar minn qatt qabel.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon fissru li fil-jiem li għaddew it-tmexxija ta’ More Supermarkets għamlet ħilitha kollha biex tikkonvinċi lill-kredituri tagħha li dan il-mument kien biss wieħed temporanju u li b’għaqal jgħaddi b’wiċċ il-ġid. Madankollu bosta mill-kredituri baqgħu jinsistu li mhux biss ma jagħtux aktar prodotti tagħhom lil More Supermarkets, iżda li jridu wkoll fi żmien qasir il-flus dovuti lilhom jew pjan konkret kif se jitħallsu.
Jirrizulta wkoll li t-tmexxija ta’ More Supermarkets sejħet laqgħa għall-kredituri kollha tagħha.
//= $special ?>