Minn informazzjoni ippubblikata fil-ħarġa tal-lum tal-ġurnal In-Nazzjon, jirriżulta li t-taqsima tal-Enemalta magħrufa bħala l-“Petroleum Division”, li fl-aħħar snin kienet l-unika taqsima fil-Korporazzjoni li kienet qed tagħmel il-qligħ, għaddiet l-assi kollha tagħha lil kumpanija li waqqaf il-Gvern stess bl-isem Enemed Company Limited. Skont l-informazzjoni ta’ In-Nazzjon, jidher li dan seħħ fit-28 ta’ Awwissu li għadda, għalkemm dwar dan il-Gvern ma ħareġ l-ebda stqarrija.
B’hekk, effettivament il-Petroleum Division għaddiet f’idejn il-Gvern fi transazzjoni li saret biex minflok bil-Power Station il-ġdida tal-gass, il-wegħda elettorali prinċipali li għamel Joseph Muscat qabel l-aħħar elezzjoni, li issa hu magħruf li mhux se titwettaq fil-ħin, il-Gvern ikun jista’ jiffinanzja xorta waħda r-roħs fil-kontijiet tad-dawl. Dan kollu nżamm moħbi, għalkemm In-Nazzjon hu infurmat li numru ta’ fornituri f’dawn l-aħħar jiem bdew jirċievu ittri li infurmawhom li kellhom jirtiraw invoices li kienu nħarġu lill-Enemalta, biex minflok joħorġuhom f’isem il-kumpanija Enemed Co Ltd, li issa qed tamministra t-taqsima tax-xiri u l-bejgħ taż-żejt.
In-Nazzjon sar jaf b’din l-informazzjoni minn sorsi, li spjegaw kif il-Gvern l-ewwel waqqaf kumpanija li jisimha “Petromal Company Limited”, li ġiet imwaqqfa permezz tal-Malta Government Investments Ltd, fit-23 ta’ Mejju 2014. L-informazzjoni, kif tidher fir-Reġistru tal-Kumpaniji, turi li fid-19 ta’ Awwissu, din il-kumpanija rreġistrat kumpanija sussidjarja bl-isem “Enemed Co Ltd”. In-Nazzjon kompla jiżvela li fl-1 ta’ Settembru 2014, il-kumpanija Enemed ħadet f’idejha l-operazzjoni ta’ dik li kienet magħrufa bħala l-Petroleum Division tal-Enemalta.
Sorsi spjegaw lil In-Nazzjon li biex sar dan, il-Gvern issellef €80 miljun permezz tal-kumpanija Enemed minn banek lokali. Dawn il-flus l-Enemed għaddiethom lill-Korporazzjoni Enemalta, bħala ħlas biex tixtri l-assi tal-Petroleum Division. Il-kumpanija “Enemalta plc”, li twaqqfet ftit tax-xhur ilu u li ħadet l-obbligi kollha tal-Korporazzjoni minbarra l-ħaddiema li r-responsabbiltà tagħhom għaddiet għand kumpanija separata, kienet qed titlef madwar €6 miljun fix-xahar.
Dan minħabba r-roħs tal-kontijiet tal-enerġija, u minħabba l-fatt li t-€30 miljun li kellhom jiġu bil-quddiem mingħand l-ElectroGas, inkarigata mill-bini tal-Power Station il-ġdida, ma waslux u dan il-proġett waqa’ lura kif ġie żvelat fl-aħħar jiem. Il-Korporazzjoni Enemalta kienet qed tiffinanzja dan it-telf billi ma tagħtix lill-Gvern id-dħul li kienet qed tiġbor bħala sisa fuq il-fuel. In-Nazzjon żvela li sal-aħħar ta’ Lulju 2014, l-ammont dovut mill-Enemalta lill-Gvern tela’ għal madwar €150 miljun.
Il-fatt li l-Enemalta issa mhux se jibqa’ jkollha d-dħul u l-qligħ tal-Petroleum Division, kif ukoll il-fatt li l-proġett tal-Power Station il-ġdida waqa’ lura, se jkompli jżid it-telf mill-operat tal-Enemalta. Jidher li dan it-telf mhux se jbatti qabel pajjiżna jkollu l-Interconnector ma’ Sqallija qed jaħdem. Il-proġett tal-Interconnector kien tnieda minn Gvern Nazzjonalista. In-Nazzjon jinsab infurmat ukoll li sorsi li jafu kif qed jipprogressaw dawn il-proġetti qed jgħidu li anke l-proġett tal-Interconnector, li kellu jkun lest sa Marzu li għadda, waqa’ lura.
Filwaqt li dawn il-proġetti, li qabel l-elezzjoni kien qed jingħad li se jwasslu għar-roħs tal-kontijiet mhux se jitlestew fil-ħin stipulat, il-Ħadd li għadda l-Prim Ministru Muscat qal li l-Gvern se jkun qed jiffinanzja r-roħs permezz ta’ miżuri li mhux se jirriżultaw f’aktar taxxi fuq il-poplu. Sorsi qalu lil In-Nazzjon li dan kollu kien qed iseħħ hekk kif il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna jinsab taħt pressjoni kbira mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Aġenziji tal-Credit Ratings, bħal Standard & Poor’s. Is-sorsi sostnew li minħabba li l-Kummissjoni Ewropea bdiet turi dubji dwar kemm il-Gvern verament laħaq il-miri finanzjarji tas-sena li għaddiet, u kemm se jilħaq il-miri għal din is-sena, il-Ministeru tal-Finanzi kellu juri li l-Gvern qed iddaħħal flus mill-Korporazzjoni.
Madankollu, il-verità turi li l-Gvern mhux biss ma daħħalx l-ammont dovut mill-Enemalta sa Ġunju 2014, kif maqbul mal-Unjoni Ewropea, iżda dan l-ammont żdied b’€40 miljun għal madwar €150 miljun. Edward Scicluna kien qal li d-dejn li l-Korporazzjoni għamlet taħt dan il-Gvern kien se jitħallas permezz tat-€30 miljun li kellhom jiġu mill-ElectroGas u mill-kuntratti maċ-Ċiniżi. In-Nazzjon irrapporta li kien minħabba li dawn il-flus għadhom ma daħlux, li l-Ministru sab ruħu f’paniku u ħareġ bis-soluzzjoni li jwaqqaf il-kumpannija Enemed, li permezz ta’ flus mislufa għaddiet madwar €80 miljun lill-Enemalta ħalli l-Gvern jaħbi l-problema finanzjarja mill-Kummissjoni Ewropea.
Dan iqanqal tħassib fuq il-mod kif il-Gvern qed jipprova jasal għar-riżultati finanzjarji li l-UE qed tistenna li jilħaq. Madankollu, agħar minn hekk, hu aktar ta’ tħassib il-fatt li l-Gvern żamm moħbija informazzjoni dwar ir-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji ġodda, is-self li dawn ħadu, l-assi li ġew trasferiti lilhom mill-Petroleum Division u l-flus li dawn il-kumpaniji għaddew lill-Enemalta, li m’huma xejn ħlief flus mislufa li l-Gvern issellef permezz tal-istess kumpaniji.
//= $special ?>