Lokali Parlament Unjoni Ewropea

Aġġornata: Evidenza li Dalli kellu laqgħat privati u irregolari f’Malta

Fl-ittra li l-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler bagħat lill-iSpeaker, biex titqies bħala evidenza fil-każ, Kessler iddikjara li l-investigazzjonijiet tal-OLAF jipprovdu evidenza li Dalli kellu laqgħat privati u irregolari f’Malta ma’ rappreżentanti tal-industrija tat-tabakk dwar il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar it-Tabakk.

Dawn il-laqgħat saru f’Awwissu 2010 u f’Jannar 2012, b’Kessler jgħid li saru bl-involviment ta’ Silvio Zmmit, li hu viċin tal-eks Kummissarju Ewropew Dalli. Kessler kiteb li l-OLAF uriet ukoll li wara dawn il-laqgħat, Zammit talab li jkun hemm tixħim mill-kumpanija Swedish Match biex tkun tista’ tinfluwenza l-proċess leġiżlattiv tal-UE ħalli jkun hemm reviżjoni tad-Direttiva li tirregola l-Prodotti tat-Tabakk, kif ukoll biex jintuża’ l-isem tal-eks Kummissarju u jittieħed vantaġġ mill-pożizzjoni privileġġjata li jgawdi.

Fl-ittra lill-iSpeaker, Kessler spjega wkoll li Dalli baqa’ f’kuntatt ma’ Zammit f’mumenti kritiċi tan-negozjati, li tmexxew bejn il-partijiet involuti. Spjega wkoll li l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u żewġ investigaturi oħrajn Maltin iltaqgħu ma’ Uffiċjali tal-OLAF responsabbli mill-investigazzjonijiet dwar John Dalli, li min-naħa tagħhom ipprovdew l-għajnuna kollha neċessarja lill-Pulizija Maltija.

Kessler qal ukoll li wara li Silvio Zammit kien tressaq il-Qorti fil-11 ta’ Diċembru 2012, f’kuntatt li sar bit-telefon hu kien infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija Rizzo li kellu l-intenzjoni li joħroġ akkużi kontra Dalli bħala riżultat tal-investigazzjonijiet li kienu saru. Madankollu, dawn l-akkużi riedu jistennew minħabba li John Dalli ma kienx f’Malta. Spjega wkoll li wara li kien hemm il-bidla fil-Gvern, u Dalli rritorna Malta, tbiddel il-Kummissarju tal-Pulizija u Peter Paul Zammit qal li ma kienx hemm evidenza biex jitressqu akkużi kontra John Dalli. Fisser ukoll li din l-istqarrija wasslet għall-konklużjoni li l-każ kontra Dalli kien waqa’.

Giovanni Kessler irrimarka wkoll li f’żewġ korrispondenzi li għaddiet mal-Kummissarju tal-Pulizija f’Ġunju 2013 u f’Awwissu 2013, kien ikkonfermat li l-investigazzjonijiet dwar il-każ ta’ Dalli ma kienux magħluqa. Madankollu, fi tliet okkażjonijiet separati oħrajn, f’Ottubru 2013, f’Marzu 2014 u f’Mejju 2014, Peter Paul Zammit ma ta l-ebda risposta meta ntalab jikkollabora f’investigazzjonijiet ġodda mill-Uffiċċju tal-OLAF. Dan minkejja li Malta hi marbuta bil-Liġi li tikkopera u tgħaddi l-informazzjoni mitluba mill-OLAF.

Fl-ittra tiegħu, Kessler temm billi qal li fid-19 ta’ Ġunju 2014, sors li hu jaf infurmah li f’laqgħa li saret f’dik l-istess ġurnata fi Brussell, Dalli talbu jgħaddilu l-messaġġ biex ma jmurx Malta minħabba li jista’ jiġi arrestat.

Aktar kmieni …

John Dalli u Silvio Zammit kellhom jitressqu l-Qorti flimkien – il-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà

Fl-opinjoni tal-Kap tas-Servizzi tas-Sigurtà Michael Cassar, l-eks Kummissarju Ewropew John Dalli u Silvio Zammit kellhom jitressqu flimkien il-Qorti b’akkużi kontrihom mill-Pulizija. Din il-fehma esprimiha Michael Cassar meta kien qed jagħti x-xhieda tiegħu quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi fil-każ ta’ Ksur ta’ Privileġġ li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jagħmel kontra l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil b’rabta mal-investigazzjonijiet li kienu qed isiru f’pajjiiżna dwar l-eks Kummissarju Ewropew.

John Dalli kellu jirriżenja mill-Kummissjoni Ewropea wara r-rapport li ħejja l-Uffiċċju OLAF fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea b’rabta ma’ allegat każ ta’ tixħim. Fix-xhieda li ta Michael Cassar, li dak iż-żmien kien parti minn erba’ investigaturi li kienu qed jaħdmu fuq l-allegat każ ta’ tixħim, qal li mill-esperjenza tiegħu ma kienx ikun hemm każ fejn wieħed jista’ jinstab ħati li kieku John Dalli tressaq waħdu l-Qorti.

Għal diversi mistoqsijiet li għamlet l-Oppiżizzjoni matul din ix-xhieda, rappreżentata minn Chris Said u David Agius, Michael Cassar qal ukoll li wara li nbidlet l-amministrazzjoni f’Marzu 2013, kif ukoll inbidel il-Kummissarju tal-Pulizija, Peter Paul Zammit qatt ma kellmu dwar l-investigazzjonijiet u l-iżviluppi b’rabta ma’ Dalli. Fisser ukoll li fir-rapport finali fi tmiem l-investigazzjonijiet tal-Puliizja, li kien iffirmat mill-Ispettur Angelo Gafà, kien hemm il-parir tal-Pulizija biex jitressqu u jkun hemm akkużi fil-Qorti kontra Silvio Zammit u John Dalli separatement.

Fil-laqgħa tat-tim ta’ investigaturi li fiha ttieħdet din id-deċiżjoni, fit-tmiem l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, Michael Cassar qal li dakinhar ma kienx preżenti minħabba li kien Brussel fuq xogħol uffiċjali.

Matul il-laqgħa tal-lum, il-Kumitat tal-Privileġġi qabel li l-ittra li bagħat il-Kap tal-OLAF Giovanni Kessler lill-iSpeaker tal-Parlament b’rabta mat-talba li kienet qed issir biex Kessler jigi Malta u jidher quddiem il-Kumitat tkun meqjusa bħala x-xhieda tiegħu.

Sadanittant, l-Oppożizzjoni se tipprepara abbozz ta’ suġġetti mhux koperti fl-ittra ta Kessler, u li fiha jirreferi għall-investigazzjonijiet b’rabta mal-allegat każ ta’ Dalli, biex ikunu kkomunikati lil Kessler wara li jkun hemm qbil mill-Kumitat tal-Privileġġi biex il-Kumitat ikun jista’ jagħmel aktar mistoqsijiet lil Kessler b’rabta mal-każ.

Il-Gvern ma qabilx li l-Ispeaker jikteb lill-President tal-Kummissjoni Ewropea biex jagħti l-awtorizzazzjoni lil Kessler biex ikun jista’ jiġi Malta u jidher quddiem il-Kumitat tal-Privileġġi.

Il-Kumitat qabel, fuq parir legali li ħa, li ma jistax jawtorizza persuna barranija tiġi Malta biex tixhed quddiem il-Kumitat.