Lokali Parlament

L-Air Malta timpjega kważi 300 f’sena

In-numru ta’ impjegati ġodda li ddaħħlu mal-kumpanija Air Malta minn Ottubru 2013 sa Settembru 2014 kien ta’ kważi 300 persuna, li aktar minn nofshom iddaħħlu b’kuntratt indefinit fuq bażi full-time jew part-time. Dawn l-impjiegi ġodda, fi żmien li l-kumpanija nazzjonali tal-ajru għaddejja bil-proċess ta’ ristrutturazzjoni li kien inbeda fi żmien Gvern Nazzjonalista, kienu konfermati fil-Parlament mill-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis.

Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Robert Arrigo staqsa kemm daħlu impjegati f’kull dipartiment tal-Air Malta f’dawn l-aħħar 12-il xahar, kif ukoll kemm minn dawn kienu full-time u part-time u taħt liema kundizzjonijiet. Mill-informazzjoni li ta l-Ministru li ddaħħlu 18-il persuna full-time b’kuntratt indefinit u li kien hemm riżenja waħda minn dawn l-impjiegi.

B’kuntratt definit kienu mpjegati sitt persuni li tnejn minnhom irriżenjaw, part-time b’kuntratt indefinit iddaħħlu 170-il persuna li 74 minnhom irriżenjaw, u part-time b’kuntratt definit erba’ persuni.