Qorti

Mara tingħata kumpens ta’ €8,000 wara li tkeċċiet b’mod inġust mill-post tax-xogħol

F’deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal Industrijali mara ingħatat kumpens ta’ €8,000 wara li ġie deċiż li hija tkeċċiet b’mod inġust.  Lara Boffa kienet taħdem mal-kumpanija Philip Toledo Ltd u kien deċiż li t-tkeċċija tagħha ma kienitx taqa’ taħt ir-raġuni ta’ “redundancy” u għalhekk ma kienx wieħed ġust.

Kien għalhekk li l-kumpanija kienet ordnata biex tħallas kumpens ta’ €8,000 lill-mara fi żmien ħmistax-il ġurnata mill-għoti ta’ din id-deċiżjoni.

Il-każ tressaq quddiem it-Tribunal Industrijali minn Lara Boffa innifisha. Din kienet ilha taħdem ma’ Philip Toledo Ltd mis-16 ta’ Ottubru 2009, u għall-ewwel kellha kariga ta’ Service Desk Administrator.

F’Ottubru ta’ sena wara hija ġiet promossa għall-kariga ta’ Service Manager b’kundizzjonijiet u benefiċċji ġodda. Il-kariga kienet fuq bażi full time għal żmien indefinit. Fit-23 ta’ Awwissu 2012, Boffa ġiet infurmata b’ittra illi l-impjieg tagħha skont il-kuntratt kien ser jiġi terminat mill-1 ta’ Settembru tas-sena kurrenti 2012 fuq bażi ta’ “redundancy”. Hija kienet ġiet offruta impjieg alternattiv b’paga anqas iżda Boffa ma laqgħetx din l-offerta.
It-Tribunal Industrijali qal li meta kumpanija tittermina impjieg fuq bażi ta’ “redundancy”, jeżistu prassi li s-soċjetà għandha timxi magħhom sabiex it-tmiem ta’ dal-impjieg iseħħ f’sistema u bi proċeduri ġusti, ekwi u trasparenti, apparti l-osservazzjoni tal-liġi li għandha x’taqsam mar-“redundancy”. Meta soċjetà tiddeċiedi li tagħmel ristrutturar, kif intqal għal aktar minn darba minn xhieda u trattazzjoni mressqa mill-kumpanija Philip Toledo Ltd, dan dejjem irid isir f’ambitu ta’ diversi kriterji.

Fost dawn il-kriterji hemm nuqqas ta’ xogħol jew negozju fil-kumpanija, li jirriżulta fi dħul finanzjarju anqas, tibdil ġenerali jew speċifiku tad-doveri fix-xogħol fejn ikunu meħtieġa kapaċitajiet u kompetenzi ġodda minn dawk ta’ impjegati eżistenti u tibdil fin-natura tax-xogħol li kien jeħtieġ ristrutturar sabiex is-soċjetà ttejjeb l-operat b’riżultat li tkun kapaċi żżomm n-numru ta’ impjegati relatat.

Ingħad ukoll li għandu jkun hemm preżentazzjoni ta’ pjan ta’ ristrutturar sabiex b’hekk turi n-neċessità reali li tagħmel tnaqqis tal-impjegati.

Wara li t-Tribunal Industrijali għamel dawn l-osservazzjonijiet, irriżulta li ma sar l-ebda pjan ta’ ristrutturar sabiex jiġġustifika l-bżonn ta’ tnaqqis ta’ xi impjieg jew impjiegi. It-tieni, ma sarux proċeduri ġusti, li jinkludu konsultazzjoni biex dan ir-“redundancy” iseħħ, u lanqas ma ngħatat possibbiltà lil Boffa għal xi forma ta’ appell jew tal-anqas opportunità biex turi l-opinjoni tagħha rigward dan ir-“redundancy”.

It-Tribunal Industrijali qal li anke kieku r-ristrutturar tal-kumpanija, li ġiet integrata f’soċjetà oħra, seħħ minħabba nuqqas ta’ xogħol li seta’ tefa’ sogru ta’ għeluq tas-soċjetà, dan it-Tribunal isibha diffiċli kif, filwaqt li ma kienx hemm l-iċken dubju rigward l-effiċjenza ta’ Boffa, hija sfat l-unika Manager li ġiet meqjusa bħala “redundant”.

L-offerta ta’ impjieg alternattiv lil Boffa mhux biss kellha tnaqqis finanzjarju sostanzjali, iżda kienet ser tpoġġi lil Boffa f’sitwazzjoni ferm ambigwa ma’ kollegi li filwaqt li kienet il-Manager tagħhom, li kienet se tispiċċa jkollha salarju anqas minnhom.

It-tribunal qal ukoll li ma kienx hemm ħtieġa ġenwina biex isseħħ “redundancy” fuq impjegat wieħed biss. L-Avukat Andrew Borġ Cardona, li deher għall-kumpanija, ta wieħed x’jifhem li filwaqt li l-pożizzjoni li kienet tokkupa Boffa ġiet abolita, id-doveri li kienet tasserrixxi ġew imqassma lil ħaddieħor. Għalhekk it-tmiem tal-impjieg ta’ Boffa ma jistax jitqies li sar minħabba raġuni ta’ “redundancy”. It-Tribunal qal li dawn il-kunsiderazzjonijiet iwassluh biex ikun ferm dubjuż dwar kemm l-applikazzjoni ta’”redundancy” kienet waħda ġenwina.

Fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tribunal qies iż-żmien li Boffa għamlet fl-impjieg mas-soċjetà, l-età tagħha, kif ukoll il-potenzjal tagħha għall-prospetti ta’ xogħol. L-Avukati Marion Camilleri u Franco Debono dehru għal Boffa.