Lokali

Seminar minn Breaking Limits

L-Għaqda mhux Governattiva Breaking Limits se tkun qed torganizza seminar bla ħlas bit-tema ‘Gaining Abilities’ li se jsir f’lukanda ewlenija f’San Ġiljan nhar il-15 ta’ Novembru li ġej.
Dan is-seminar hu maħsub għall-ġenturi  ta’ persuni b’diżabilita’ u ta’ persuni ta’ kull eta’ li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim.

Breaking Limits ħasset il-bżonn li aktar persuni  b’diżabilta’ jkollhom il-possibilta’ li jgħixu ħajja kemm jista jkun indipedenti. “Biex dan isir, dawk ta’ madwarhom jeħtieġ li jtuhom l-opportunita’ li jieħdu deċiżjonijiet u jingħataw responsabiltajiet bħal kull persuna oħra fl-eta’ tagħhom,” saħqet Solange Abela, Segretarju Ġenerali ta’ Breaking Limits.

Hi kompliet li biex dan iseħħ jeħtieġ ukoll li kull persuna b’diżabilita’ tingħata l-opportunita’ li twettaq dak kollu li tixtieq fil-liberta’, skond l-eta’  u ċ-ċirkostanzi partikolari tagħha u fil-parametri legali tal-pajjiż.

Fil-ħidma tagħha bħala NGO, Breaking Limits iltaqgħet ma’ każi fejn il-ġenituri jippruvaw jipproteġu lil uliedhom iżżejjed u dan joħnoq il-kreattivita’, il-kapaċitajiet u l-liberta’ tal-individwi kkonċernati. “Il-maġġorranza tal-ġenituri jagħmlu dan għax iħobbu lil uliedhom imma nemmnu wkoll li jeħtieġ jinstab bilanċ bejn l-imħabba u l-protezzjoni li l-ġenituri jridu jagħtu lil uliedhom u l-ispazju li dawn l-individwi għandhom bżonn biex jgħixu b’mod  kemm jista’ ikun indipendenti u  jitħallew jieħdu d-deċiżjonijiet skond kif ikunu jixtiequ,” saħaq Christian Camilleri, membru ta’ Breaking Limits.

Waqt is-seminar se jkunu mistiedna ħames kelliema minn oqsma differenti li se jitkellmu dwar  is-suġġett tal-protezzjoni żejda tal-ġenituri fuq uliedhom b’diżabilita minn perspettivi differenti.
Se jkunu organnizzati wkoll tliett workshops li permezz tagħhom se jiġu mgħejuna l-ġenituri biex jirriflettu fuq kif jaġixxu meta jiġu biex jagħtu ċertu livell ta’ indipendenza lil uliedhom  u jagħtuhom l-opportunita’ li jieħdu ċertu deċiżjonjiet filwaqt li jiġu mgħejuna jkabbru l-fiduċja f’uliedhom b’diżabilita’.

Għal aktar informazzjoni dwar Breaking Limits u x-xogħol kollu li tagħmel fil-komunita’ wieħed jista’ jżur is-sit http://www.breakinglimits.org.mt