Il-kumpanija Taljana, waħda mill-kuntratturi li qed taħdem fil-bini tal-Parlament il-ġdid, qed tallega li l-kumpanija Maltija mhux biss qed tissuplixxi xogħol ħażin ta’ blokki tal-ġebel, iżda x-xogħol mhuwiex frekwenti kif kien miftiehem u b’konsegwenza ta’ dan hija qed tiġi mmultata mill-Gvern ta’ Malta.
Il-protest ġudizzjarju ġie ppreżentat fil-Prima Awla tal-Qorti Ċivili mill-kumpanija Taljana bbażata f’Parma kontra Stone Limited. Il-protest ġie prezentat mid-Diretturi tal-kumpanija Michele Filiberti. Il-kumpanija Taljana qalet li l-kumpanija Maltija ġiet appuntata sabiex tforni 2,000 metru kubu ta’ blokki tal-ġebel tal-kwalità neċessarja.
Ingħad li dawn il-blokki kellhom oriġinarjament jiġu fornuti sal-aħħar ta’ Marzu tas-sena 2012. Il-kumpanija Maltija kienet obbligat ruħha li tħallas penali fl-ammont ta’ elf ewro kuljum, f’każ li tonqos li tirrilaxxa l-kwantita’ indikata ta’ mitejn metru kubu fix-xahar, ovvjament liema kwantità kellha tkun ta’ kwalità tajba.
Il-protest jgħid ukoll li f’Novembru tas-sena 2013, il-BIB Joint Venture, li hija inkarigata mill-proġett tal-Parlament intervjeniet bejn il-partijiet sabiex il-proġett jitkompla u tinstab soluzzjoni għad-dewmien fil-konsenja tal-materjal.
Il-kumpanija Taljana qalet l-kumpanija Maltija baqgħet l-istess bil-konsegwenza li sal-lum il-ġurnata, għad irid jiġu kkonsenjati madwar sittin metru kubu u minkejja li għadhom għaddejjin ix-xhur, il-kumpanija Maltija qegħda tkun tard fil-konsenja.
Il-kumpanija Taljana qed titlob lil dik Maltija sabiex minnufih u mingħajr aktar dewmien, tikkonsenja l-blokki tal-ġebel li baqa’, b’riżerva għat-talba ta’ danni u penali. Fin-nuqqas ta’ dan, il-kumpanija qed iżżommha responsabbli għall-ħlas ta’ kull multa, penali, flejjes u danni oħrajn dovuti u tieħu passi ulterjuri skont il-liġi sabiex jipproteġi l-interessi tagħha. Dan kollu bl-ispejjeż u bl-imgħax legali b’kollox.
Il-protest ġie ffirmat mill-Avukati James Scerri Worley u Andrew Grima.
//= $special ?>